F’artiklu fis-Sunday Times, il-Prim Ministru Robert Abela wassal viżjoni ekonomika għal pajjiżna u sostna li l-ekonomija Maltija trid tgħaddi għal qalbiet ġodda li jdaħħluna f’fażi ġdida ta’ prosperità.
Bit-titlu ‘Transitioning Malta’s economy to the next phase of prosperity’, il-Prim Ministru saħaq li jrid ikollna tranżizzjoni lejn ekonomija bbażata fuq it-tagħrif, li jkollna qalba ambjentali u niddiversifikaw l-investiment.
Dan bil-għan li nkomplu nsaħħu l-kompetittività ta’ pajjiżna.
Fis-Sunday Times, il-Prim Ministru rrefera għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, li kien darbtejn u nofs iżjed mill-medja Ewropea.
Innota kif dan it-tkabbir ma kienx b’kumbinazzjoni iżda b’riżultat ta’ politika strateġika li wasslet biex pajjiżna jkompli jikber.
Hawn il-Prim Ministru saħaq li l-ekonomija tagħna trid tidħol għal fażi ġdida billi nisimgħu lill-istakeholders u lis-soċjetà u nwasslu futur għal pajjiżna.
Qal li kollox irid idur mal-ħames pilastri tal-viżjoni ekonomika mressqa minn Dr Abela nnifsu f’laqgħa tal-Kabinett fil-Kamra tal-Kummerċ li kienet saret tliet snin ilu; jiġifieri l-kwalità tal-ħajja, l-edukazzjoni, infrastruttura aħjar, newtralità klimatika u l-governanza.
Il-Prim Ministru qal li l-imsieħba soċjali u pijunieri fl-industriji huma fost dawk li rridu nitkellmu magħhom biex inwasslu din il-viżjoni ekonomika u bħala pajjiż irridu naraw liema setturi ġew imbuttati fl-aħħar snin u rridu nagħmlu qalbiet fihom biex ikomplu jikbru.
Hawn Dr Abela ta eżempji tal-oqsma tal-marittimu u l-avjazzjoni, is-settur diġitali u dak tal-famaċewtika u anki tas-servizzi.
Il-Prim Ministru qal li dak li jattribwixxi t-tkabbir għaż-żieda fil-popolazzjoni u l-industrija tal-kostruzzjoni qed jimmiżinterpreta l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna u l-bżulija tal-imprendituri Maltin.
Qal li t-tkabbir ekonomiku huwa wieħed li jinkoraġġixxi l-investiment u l-ħolqien ta’ karrieri ta’ kwalità.
Il-Prim Ministru qal li t-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna mhuwiex il-punt tal-wasla iżda jgħinna biex niksbu iżjed suċċess.
“L-impenn tagħna huwa ċar, irridu nkomplu niddiversifikaw l-ekonomija tagħna”, qal Dr Abela hu u jinnota l-andament pożittiv u innovattiv li għandna u riesaq lejn Malta bi start-ups u kumpaniji fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni li qed isaħħu l-qagħda ekonomika tagħhna.
Jiem wara li l-Unjoni Ewropea approvat pakkett storiku ta’ €8 biljun ta’ għajnuna mill-Istat għal proġett tal-kumpanija bbażata f’Malta, STMicroelectronics, sabiex Malta tilħaq il-quċċata tal-istandards Smart Factory u Industry 4.0, il-Prim Ministru qal li dawn it-tip ta’ kumpaniji qed ikomplu jwasslu għal avvanz u joħolqu karrieri ta’ kwalità li wkoll iġibu kwalità ta’ ħajja għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Il-Prim Ministru qal li ekonomija bbażata iżjed fuq it-tagħrif tkompli tattira l-investiment u tippromovi edukazzjoni aktar bbażata fuq is-suġġetti STEM jiġifieri dawk marbuta max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika.
“Nemmnu tassew fil-potenzjal tal-qalba diġitali f’pajjiżna fejn tingħata importanza lill-intelliġenza artifiċjali li tista’ tindirizza sfidi marbuta mal-limitazzjonijiet fis-settur tax-xogħol u b’hekk insaħħu l-kompettitività u l-effiċjenza”, spjega l-Prim Ministru b’rabta mal-bżonn tat-tranżizzjoni diġitali fl-ekonomija tagħna.
Dr Abela rrimarka kif dan il-Gvern ġab bidliet kbar li wasslu għal andament ekonomiku pożittiv.
“Biex nieħdu eżempju, sa għaxar snin ilu, ir-rati baxxi ta’ impjiegi kienet in-norma u llum għandna l-ogħla rata ta’ impjiegi fl-istorja”, kiteb il-Prim Ministru hu jisħaq kif dan huwa frott politika ta’ bidla li naqqset it-taxxi, introduċiet is-servizz mingħajr ħlas taċ-childcare, introduċiet u saħħet l-in-work benefit u miżuri oħra li ppremjaw il-bżulija.
Dr Abela rrefera għall-investiment bla preċedent fl-edukazzjoni fejn mill-2013 sal-lum, l-investiment fl-Università ta’ Malta rdoppja u laħaq kważi il-€100 miljun.
Dan apparti investiment sinifikattiv fl-iskejjel u anki f’faċilitajiet ġodda fl-MCAST.
F’dan il-kuntest il-Prim Ministru qal li matul din is-sena se jkunu inawgurati minn tal-inqas tliet skejjel b’faċilitajiet ġodda u ambjent modern.
Il-Prim Ministru fakkar kif fil-pandemija u issa b’deċiżjoni strateġika li jżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet tad-dawl, il-Gvern ipproteġa l-ekonomija u l-impjiegi u issa qed iħares fit-tul lejn trasformazzjoni fl-ekonomija tagħna bbażata fuq l-innovazzjoni.