Ħal Qormi. Wieħed mill-akbar bliet f’pajjiżna bi qrib 20,000 resident. Żewġ festi u numru kbir ta’ toroq magħluqin hekk kif jaslu l-festi ta’ San Ġorġ u San Bastjan.
Hekk kif il-festa Bastjaniża fl-aqwa tagħha, il-kunsill lokali ta’ Ħal Qormi ħareġ b’idea li qed tagħti nifs lil bosta residenti. B’mod speċjali dawk li jivvjaġġaw b’tal-linja hekk kif servizz tat-trasport qed jiġi offrut b’xejn minħabba t-toroq magħluqa tul dan iż-żmien ta’ festi.
Is-servizz huwa maħsub biex ma jħallix ir-residenti Qormin tul ta’ ħin jistennew tal-linja u huwa msejjes b’mod li jdur dawra mejt mal-belt Qormija u jispiċċa l-Park and Ride fejn hemm ikunu jistgħu jirkbu l-karozza tal-linja.
Iltqajna mas-Sindku Qormi, Renald Falzon, li spjegalna li dan is-servizz qed jiġi offrut tul il-ġimgħa tal-festa iżda għal kunsill dan huwa biss proġett pilota u qed jimmira li jkun servizz permanenti għall-belt Qormija.
Is-Sindku ta’ Ħal Qormi qal: “Permezz ta’ dan is-servizz qed nippruvaw, li r-residenti jkunu moqdijin xorta għaliex ikollok il-garr u nifhimha li jkollok ċertu stages mhux milħuqin mis-servizz tat-trasport pubbliku li hemm illum. Allura b’hekk aħna b’servizz ta’ mini-bus iżgħar qed nilħqu l-istages kollha u b’hekk naqdu n-nies kollha. Permezz ta’ din sintendi qed naraw u nistudjaw mod li jkollna dak is-servizz alternattiv li nistgħu nużawh matul is-sena kollha.”
Is-servizz li huwa disponibbli kull kwarta fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu mis-7 sad-9 u l-ħinijiet traffikużi ta’ wara nofsinhar mill-4 sas-6 intlaqa’ tajjeb mir-residenti u saħqu li hija inizjattiva tajba immens.