Transport Malta kompliet taħdem qatigħ biex iżżid l-inforzar fit-toroq tul l-2023, biex tiġi żgurata osservanza mar-regolamenti tat-traffiku u toroq aktar siguri għal kulħadd.
L-impenn tal-Awtorità biex iżżomm l-ordni fit-toroq, jidher b’mod ċar fl-istatistika miksuba matul is-sena li għaddiet.
Matul l-2023, l-Awtorità ħarġet total ta’ iżjed minn tnejn u tletin elf, u tmin mitt kontravenzjoni, b’riżultat li ntbagħat messaġġ qawwi kontra l-ksur tar-regolamenti tat-traffiku.
Fi sforz kontra prattiċi illegali u perikolużi, l-Awtorità kkonfiskat numru sostanzjali ta’ vetturi, fosthom 570 karozza, 376 escooter u 115-il number plate. Dawn l-azzjonijiet servew bħala deterrent u jsaħħu l-importanza li wieħed iżomm mar-regolamenti tat-traffiku.
Minbarra hekk, l-Awtorità wettqet numru ta’ roadside inspections, uħud li saru b’kollaborazzjoni mal-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg u l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Jonathan Borg, esprima l-apprezzament tiegħu għall-kisbiet notevoli tal-Awtorità fil-ħolqien ta’ toroq aktar siguri għal kulħadd u saħaq li l-isforzi bla heda tal-ħaddiema tagħha qed joħolqu ambjent ta’ osservanza lejn ir-regolamenti.
Ir-riżultati għall-2023 huma xhieda tal-impenn bla waqfien tal-Awtorità biex toħloq ambjent sigur fit-toroq tagħna.