Transport Malta qalet li hija sodisfatta bit-tidal lane ta’ Raħal Ġdid u qed tippjana sistemi simili għal toroq oħra. Fil-fatt l-Awtorita’ qalet li qed tfassal waħda f’Ħaż-Żebbuġ u tesplora l-possibilita’ ta’ siti oħrajn.
Fi stqarrija ntqal li “Transport Malta osservat l-andament fi Vjal Sir Paul Boffa għal dawn l-aħħar ġimagħtejn. Traffiku, li kien jasal sal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid u Għajn Dwieli qabel, issa naqas ħafna. Dawk li jużaw it-triq ta’ spiss huma familjari mas-sistema u jużawha b’mod effettiv. ”
It-tidal lane f’Raħal Ġdid tagħmel l-aħjar użu mill-kapaċita’ tat-triq. Korsija minn erbgħa tibdel id-direzzjoni skont l-andament tat-traffiku. Bollards jogħlew fuq naħa u jinżlu fl-oħra, fis-14:00 u fid-21:00, biex jibdlu d-direzzjoni tal-korsija. Vjal Sir Paul Boffa għandu tlett korsiji lejn il-Belt filgħodu u żewġ korsiji lejn Raħal Ġdid filgħaxija. Transport Malta se tibdel il-ħinijiet tat-transizzjoni fis-sajf minħabba l-ħinijiet tax-xogħol tal-istaġun.