Transport Malta ġabret137 escooter minn diversi lokalitajiet.
Fi stqarrija minn Transport Malta ntqal hekk kif mill-bidu ta’ din is-sena, ingħatat il-poteri permezz ta’ avviż legali biex tibda twettaq xogħol ta’ infurzar fuq l-użu tal-escooters f’pajjiżna.
Fl-istqarrija, intqal ukoll li l-iscooters inġabru minħabba liċenzja skaduta jew mhux imwaħħla mal-vettura, nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-vettura mal-Awtorità u anki vetturi bla polza ta’ assigurazzjoni valida.
Intqal li tul dawn l-aħħar ġimgħat l-Uffiċċju tal-Infurzat fi ħdan Transport Malta wettqu diversi operazzjonijiet ta’ infurzar madwar il-pajjiż; fosthom San Ġiljan, Ta’ Sliema, San Pawl il-Baħar u l-Gżira, b’mod speċjali f’lokalitajiet fejn hemm użu qawwi minn dawn il-vetturi.
Dan biex ikun żġurat li dawn qed josservaw il-liġijiet kollha tat-traffiku u kif ukoll tinżamm l-ordni pubblika.
F’din l-istqarrija ntqal li Transport Malta tħeġġeġ lil kull min għandu dan it-tip ta’ vettura sabiex jirregolarizza ruħu mal-liġijiet eżistenti tal-pajjiżi u josserva l-liġijiet tat-traffiku waqt li qed jagħmel użu minn dawn l-escooters.
Dan biex ma jkunx hemm riskji fuq ħajjet is-sewwieq u lanqas fuq in-nies ta’ madwaru.