Il-kumpanija AirX Jet Support Malta ngħatat iċ-ċertifikat t’ approvazzjoni EASA Part 145 mid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi Transport Malta sabiex tkun tista’ tagħmel manutenzjoni fuq 3 tipi ta’ ajurplani differenti. B’dan iċ-ċertifikat, din il-kumpanija se tkun tista’ tagħmel manutenzjoni fuq ajurplani tat-tip Airbus, Boeing 737 u l-Embraer ERJ-190/Lineage 1000.
L-Awtorità hija kommessa li tkompli taħdem biex din l-industrija tkompli tikber, toffri aktar opportunitajiet ta’ xogħol u tħalli l-ġid fl-ekonomija ta’ pajjiżna. L-investiment riċenti li għamlet AirX, fost kumpaniji oħra bħal Britten Norman, Avion u Tag Aviation huwa xhieda ta’ din ir-rieda. Din l-industrija hija fost l-aktar b’saħħitha u stabbilita fis-swieq internazzjonali. L-industrija llum għandha l-ogħla standards b’ aktar minn 3,200 impjegat, filwaqt li tikkontribwixxi lejn il-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna 2.5%
Il-flotta ta’ AirX hija ta’ 21 ajruplan minn 6 kategoriji differenti, b’żewġ ajurplani minnhom qegħdin fl-Istati Uniti. L-aħħar ajurplan li qiegħed jiżdied ma’ din il-flotta huwa tat-tip Lineage 1000, li fuqu jistgħu jivvjaġġaw sa 19-il persuna. Il-kumpanija AirX għandha l-pjan li tkompli tespandi l-flotta tagħha bil-ħsieb ta’ aktar investiment f’ pajjiżna.
Il-Kap Eżekuttiv, Houssam Hazzoury, qal li Malta hija post strateġiku fejn iżżomm l-ajurplani tiegħek. Huwa kompla jgħid li jħares ‘il quddiem li l-kumpanija tkompli tkabbar il-bażi ta’ manutenzjoni tagħha f’ pajjiżna. Transport Malta kienet strumentali biex l-kumpanija AirX tkompli tinvesti u tkabbar l-operat tagħha fil-gżejjer Maltin