Transport Malta neħħiet il-liċenzja ta’ stazzjon tal-VRT, neħħiet il-liċenzja tal-persuna li tagħmel it-testijiet fih u ħarġet multa amministrattiva ta’ €11,000 lill-operatur. Dan wara li x-xahar li għadda, minn dan l-istazzjon inħarġu tlettax-il ċertifikat mingħajr ma sar it-test, inħarġu sitt ċertifikati għal vetturi li m’għaddewx mit-test u nħarġu ħames ċertifikati oħra għal vetturi li m’għamlux it-test kollu.Wara rapport li daħal lil Transport Malta x-xahar li għadda, l-Awtorità bdiet investigazzjoni wiesgħa fuq l-operat ta’ dan l-istazzjon u skopriet lista ta’ nuqqasijiet serji. Il-ksur tar-regolamenti wasslu għal serje ta’ punti ta’ penalità u għal multa amministrattiva ta’ €11,000. In-nuqqasijiet kienu serji biżżejjed biex Transport Malta tagħlaq l-istazzjon immedjatament u tirrevoka l-liċenzji tal-operatur u tal-persuna li tittestja, bil-konsegwenza li l-persuna li tittestja ma tistax taħdem aktar f’ebda stazzjon tal-VRT u l-istazzjon m’għadux parti mis-sistema onlajn tal-Awtorità. L-operatur tal-istazzjon jista’ jappella quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, iżda l-istazzjon ser jibqa’ magħluq sakemm it-tribunal ma jiddeċidix mod ieħor. Il-vetturi li nstab li ġabu ċertifikat b’mod illeċitu ser jissejħu biex jerġgħu jagħmlu t-test tal-VRT.
Transport Malta timplimenta mekkaniżmu biex tiżgura l-kwalità fuq l-operaturi tal-istazzjonijiet tal-VRT u t-testers, biex tiżgura li jżommu mar-rekwiżiti fil-liġi. Data mill-istazzjonijiet individwali tiġi analizzata fuq bażi regolari u tintuża biex tidentifika dawk l-istazzjonijiet li huma f’riskju li ma jżommux mar-regoli. L-Awtorità tattribwixxi klassifikazzjoni ta’ riskju lil kull stazzjon biex tiddetermina l-frekwenza u l-livell li Transport Malta tiċċekkja fil-fond kull stazzjon. Transport Malta tissorvelja l-istazzjonijiet kontinwament u saħansitra tagħmel spezzjonijiet għal għarrieda, spezzjonijiet ta’ ġurnata sħiħa u każwalment terġa’ tispezzjona vetturi li jkun għadhom kemm għaddew mit-test tal-VRT.
Kull sena, t-taqsima teknika fi ħdan Transport Malta twettaq madwar 300 spezzjoni ta’ ġurnata sħiħa u spezzjonijiet għal għarrieda fuq stazzjonijiet, kif ukoll terġa’ tittestja ‘l fuq minn 1,200 vettura li jkunu għadhom kemm għaddew mit-test. Dawn il-miżuri, biex tiġi assikurata l-kwalità, huma oltre dawk li twettaq it-taqsima tal-infurzar permezz ta’ spezzjonijiet tekniċi fit-triq u bl-iskema tal-SMS Alert.