Transport Malta se tkun qiegħda tiffinanzja parzjalment is-servizz ta’ trasport li l-fondazzjoni tagħti b’xejn lil dawn it-tfal.
Dan intqal mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg meta żar il-Fondazzjoni Karl Vella, li toffri għajnuna edukattiva u psikoloġika lil tfal u żgħażagħ li jgħixu f’familji fejn ikun hemm xi membru affetwat minn mard u kura.
F’din iż-żjara, il-Ministru Ian Borg qal kif dan juri l-qalb soċjali tal-gvern, hekk kif qed jgħin lil din il-fondazzjoni li tagħmel ħafna ġid.
Iċ-Chairman ta’ Transport Malta Joseph Bugeja qal li huwa ta’ pjaċir għal Transport Malta li qed terġa’ tikkopera mal-Fondazzjoni Karl Vella għal kawża ġusta.
Il-Koordinatur għas-Servizzi ta’ Appoġġ Psikoloġiku Mark Calleja semma kif il-familji li jibbenefikaw mis-servizzi ta’ din il-fonazzjoni jkunu għaddejjin minn ħafna minħabba xi mard serju.