Biex jitnaqqas l-inkonvenjent lill-pubbliku waqt li għaddejjin ix-xogħlijiet fi Triq Sir Temi Zammit fl-Imġarr, Transport Malta qed toffri shuttle service bejn il-Mosta, iż-Żebbiegħ u l-Imġarr sakemm jitlestew l-imsemmija xogħlijiet. Dan is-servizz se jkun qiegħed isir permezz ta’ minivans li jistgħu jiġu identifikati minn tabella. Dan is-servizz qed tagħmel tajjeb għalih Transport Malta u huwa offrut lill-pubbliku bla ħlas.
Din hija l-iskeda ta’ dan is-servizz:
Minn għada, it-Tlieta 22 ta’ Ġunju 2021, bejn il-Mosta u l-Imġarr:
Rotta: Il-Pjazza tal-Mosta – Triq il-Kostituzzjoni – Triq Ta’ Żejfa – Triq il-Mosta – Triq Sir Temi Zammit – Triq Għajn Tuffieħa – Triq Sir Harry Luke – Triq Fisher – Triq iż-Żebbiegħ u lura għall-Mosta.
Fi stqarrija Transport Malta spjegat kif matul il-ġimgħa, l-ewwel vjaġġ jibda fil-5:22am minn Triq Sir Temi Zammit fiż-Żebbiegħ mill-waqfa ‘Temi’.
Fi tmiem il-ġimgħa, l-ewwel vjaġġ jibda fil-5:30am mill-istess bus stop fiż-Żebbiegħ.
Matul il-ġimgħa, il-frekwenza ta’ dan is-servizz hija ta’ kull nofs siegħa sat-8:30am, kull siegħa bejn it-8:31am u s-2:00pm, kull nofs siegħa bejn is 2:00pm u l-5:30pm u kull siegħa sad-9:00pm.
Fi tmiem il-ġimgħa u fil-festi pubbliċi s-servizz se jkun aċċessibbli kull siegħa.
Transport Malta kompliet tispjega kif dan is-servizz jieqaf u jtella’ n-nies minn fuq kull waqfa eżistenti li tinsab matul il-vjaġġ. Dawk il-passiġġieri li jixtiequ jużaw dan is-servizz mill-Mosta jistgħu jaqbdu s-servizz tax-shuttle mill-Pjazza tal-Mosta, minn fuq bus stop Rotunda 4.
Filwaqt li rotta 44 ser tgħaddi hekk:
Minn Triq l-Indipendenza – Triq il-Kbira – Triq San Pawl tal-Qliegħa – Triq Ta’ Żejfa – Vjal Millbrae fil-Mosta għal Burmarrad, il-bypass ta’ San Pawl il-Baħar – Ballut – il-Manikata – Għajn Tuffieħa, u lura mill-istess rotta. B’hekk, passiġġeri li jixtiequ jmorru l-Imġarr għandhom jużaw rotot oħrajn li jieqfu fuq il-bus stop Rotunda 4, bħar-rotot 41 u 42 mill-Belt Valletta.
Il-konnessjoni bejn il-Manikata, Għajn Tuffieħa u l-Imġarr ser tibqa’ miżmuma permezz tar-rotta 101.