Transport Malta qed tkompli bl-isforzi tagħha b’kampanja oħra ntiża li tippromovi l-importanza tas-sigurtà fit-toroq. Għal Jum San Valentinu ta’ din is-sena, l-Awtorità qegħda tħeġġeġ kull persuna li tagħmel użu mit-toroq lokali u tosservi s-sinjali tat-traffiku permezz ta’ “Ieqaf… f’Isem L-Imħabba!” Messaġġ imfassal biex jagħti prominenza lill-prattiċi aktar siguri u mġieba aktar responsabbli fit-toroq tagħna.
Il-kampanja tħeġġeġ lill-utenti kollha tat-toroq biex japprezzaw l-aspett fundamentali li jieqfu għal xulxin bħala ġest ta’ mħabba u rispett. Barra minn hekk, Transport Malta fakkret lill-utenti kollha tat-toroq li meta persuna tieqaf u ssegwi s-sinjali tat-toroq mhux biss qegħda tobdi r-regoli, imma huwa mod kif nirrispettaw u nħobbu lil xulxin.
Permezz ta’ din il-kampanja, l-Awtorità għandha l-għan li tippromwovi s-sigurtà u l-empatija biex fit-toroq Maltin naraw ambjent aktar sigur u rispettabbli għal kulħadd.