Madwar 1,800 persuna bbenefikaw minn skemi ta’ Transport Malta biex xtraw karozzi li jħammġu anqas l-arja li ngħixu minnha jew biex neħħew mit-triq vetturi li kienu jagħmlu ħsara kbira lill-ambjent. Ewlenin fosthom l-iskema għax-xiri ta’ karozzi li jaħdmu b’elettriku kemm ġodda u anke użati. S’issa diġà bbenefikaw minnha aktar minn erba’ mitt ruħ.
L-uffiċjal ta’ Transport Malta Gilbert Agius qal li jekk il-karozza ma tkunx ġdida, irrid ikollha anqas minn tliet snin u inqas minn ħmistax-il elf kilometru. F’dan il-każ il-persuna tingħata għotja ta’ €2,000, u li titla għal €7,000 f’każ ta’ karozza ġdida.
Qal li f’każ li wieħed jiskrappja l-karozza l-antika wkoll dan jingħata għadd ta’ benefiċċji oħra. “L-ewwelnett għandu t-taxxa tar-reġistrazzjoni hija ‘exempt’ kollha. Il-liċenzja għall-ewwel 5 snin hi b’xejn, imbagħad kull ma hi €10 fis-sena, mill-ħames sena ‘l fuq.”
Is-Sur Agius temm jgħid li s’issa Transport Malta diġà għandha mija u tletin charging point eżistenti mferrxa madwar il-pajjiż.
Transport Malta qed tagħti wkoll għotja finanzjarja għal dawk li jaqilbu l-karozza tagħhom biex taħdem bil-gass LPG u s’issa kienu 150 persuna li għamlu dan. Qal li “tkun qed taħli inqas fjuwil, jiġifieri l-fjuwil tiegħek tinsa meta timlih, tkun trid timla biss il-gass. It-tieni benefiċċju hu li jekk il-liċenzja tagħha tkun CO2 120, aħna nnaqsu 10% tal-ammont tac-CO2 allura l-liċenzja fis-sena tonqoslok.”
Sabiex il-Gvern inaqqas l-emmissjonijiet fl-arja, ta’ kull sena qiegħed jestendi wkoll l-iskema tal-iskrappjar tal-karozza l-antika. S’issa għamlu użu minn din l-iskema aktar minn 1,270 persuna. Is-Sur Agius spjega li l-għotjiet għal minn jiskrappja l-karozza l-antika u jixtri waħda ġdida jitilgħu sa’ €1,500.
“Jekk l-emmissjonijiet ikunu bejn 101 u 130 nagħtu lura €800, jekk ic-CO2 jkun anqas minn 100 imbagħad l-ammont jitla’ sa’ €1500,” qal is-Sur Agius.
Temm jgħid li dan issir wara li Transport Malta tiċċekkja kemm ikun ħallas valur f’taxxa tar-reġistrazzjoni fuq il-karozza l-ġdida, u wara toħroġ l-għotja permezz ta’ ċekk direttament lill-klijent.