Sadanittant, il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli fi stqarrija laqa’ l-fatt li l-istess Kumitat ilbieraħ approva b’mod unanimu r-riżoluzzjoni dwar trasferiment ta’ proprjetà li ressaq il-Ministru responsabbli, Roderick Galdes.
Din ir-riżoluzzjoni kienet tittratta t-trasferiment ta’ artijiet mill-Awtorità tad-Djar lill-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli wara li ntlaħaq ftehim sabiex din l-art tingħadda favur l-istess fondazzjoni.
Dan sabiex dawn l-artijiet ikunu jistgħu jinbnew għal skopijiet ta’ akkomodazzjoni affordabbli. Dan it-trasferiment jinvolvi art fil-Fgura, f’Ħal Kirkop, f’Marsaskala u f’San Ġiljan.
Dawn l-artijiet se jwasslu sabiex il-fondazzjoni tkun tista’ twassal għand il-poplu Malti u Għawdxi appartamenti affordabbli.
Dan kollu huwa wkoll in linja mal-Viżjoni Malta 2050 li tiffoka fost l-oħrajn fuq l-inklussività u l-inklużjoni ta’ kull persuna fis-soċjetà tagħna, inklużi ż-żgħażagħ, permezz ta’ akkomodazzjoni affordabbli.