Waqt żjara fi Triq Masri fix-Xagħra fejn il-proġett ta’ €62,000 wasal fl-aħħar fażi tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li hekk kif jitlesta dan ix-xogħol ser jibda x-xogħol fi Triq Marsalforn li se tiġi tranġata b’ investiment ta’ €1,200,000.
Il-Ministru Camilleri stqarr li fl-aħħar xhur b’finanzjament mill-Gvern tlestew numru ta’ toroq fosthom Triq Gajdoru, Triq il-Kumittiva, parti minn Triq Ġorf u tranġat ukoll it-triq Tal-Qaċċa.
Uħud minn dawn it-toroq huma arterjali u oħrajn residenzjali.
Il-Ministru Camilleri stqarr: “Prattikament żorna l-aħħar fażi ta’ triq Masri li saret mil-ġdid hawnhekk ġewwa x-xagħra b’ivestiment ta’ €60,000 però issa li ser nkunu ħlisna bdejna u għalaqna din it-triq se nkunu qed nibdew it-triq ta’ biswit b’investiment ta’ miljun ewro, triq Marsalforn li mix-Xagħra twassal propju għaż-żona u l-bajja ta’ Marsalforn.”
Is-Sindku tax-Xagħra Christian Zammit irringrazzja lill-Ministru Camilleri tal-investiment li qiegħed isir fl-infrastruttura Għawdxija partikolarment fil-lokalità li hu jmexxi.
Huwa spjega: “Triq Masri li ilha snin kbar fi stat ħażin ħafna illum qed tiġi asfaltata. Din hija mhux biss triq importanti għar-residenti imma triq importanti wkoll għal bosta visitaturi f’Marsalforn u fir-Ramla peress li serviet ta’ link bejn dawn iż-żewġ bajjiet tant popolari għalina l-Għawdxin, il-Maltin u t-turisti.”
Il-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li dan ix-xogħol infrastrutturali kontinwu hu xhieda tal-importanza li l-Gvern qed jagħti biex filwaqt li Għawdex iżomm il-karatteristiċi tiegħu, jingħata wiċċ isbaħ lil din il-gżira.