Ilbieraħ il-President tal-Eġittu qal li L-Eġittu qed jipproponi waqfien mill-ġlied inizjali ta’ jumejn f’Gaza biex jiġu mibdula erba’ ostaġġi Iżraeljani tal-Hamas ma’ priġunieri Palestinjani hekk kif attakki militari Iżraeljani qatlu 45 Palestinjan ieħor.
Il-mexxej Eġizzjan Abdel fattah al-Sisi ħabbar dan hekk kif fil-Qatar reġgħu bdew l-isforzi biex titwaqqaf il-gwerra devastanti ta’ aktar minn sena f’taħdidiet li fihom qed jipparteċipaw ukoll id-diretturi tas-CIA u l-aġenzija Iżraeljana tal-Intelliġenza Mossad.
Sadanittant attakk terroristiku seħħ fuq bus stop qrib Tel Aviv hekk kif trakk saq fuq grupp ta’ Iżraeljani li kienu għadhom kemm niżlu mit-trasport pubbliku. Jidher li nqatlet mill-inqas persuna waħda u hemm aktar minn 35 feruti u qed jiġi rrappurtat li ħafna mill-feruti huma pensjonanti li kienu fuq żjara f’mużew qrib.
L-aċċident sar fil-belt ta’ Ramat Hasharon fil-Grigal ta’ Tel Aviv b’bosta mill-feruti jinqabdu taħt il-vettura b’ta’ lanqas sitta minnhom irrappurtati f’qagħda gravi. Dan il-bus stop jinsab fuq triq ċentrali ħdejn il-kwartieri ġenerali tal-aġenzija tal-ispjunaġġ ta’ Iżrael Mossad kif ukoll bażi militari.
Id-dettalji għadhom mhux magħrufa, madankollu kelliem għall-pulizija Iżraeljana qal li l-awtoritajiet qed jittraw dan l-aċċident bħala attakk terroristiku. L-attakkant, li kien qed isuq it-trakk huwa Għarbi Iżraeljan u jidher li nqatel b’tiri fuq il-post.
il-Hamas u l-grupp militanti Iżlamiku Jihad faħħru l-attakk iżda ma ħadux responsabbilità għalih.