Għajjat, biki u dispjaċir.
Dawn huma tlett kelmiet li jiddeskrivu x-xena li kien hemm fl-isptar tal-Italja, l-Erbgħa. Dan wara t-traġedja li saret fil-Lvant ta’ Bari li ħalliet 23 persuna mejta u madwar 50 persuna oħra midruba, wara li kien hemm impatt head on bejn żewġ ferroviji fuq l-istess binarju f’Puglia, wieħed ġej minn Andria u ieħor li telaq mill-istazzjon Corato. Prosekutur lokali spjega kif dan l-aċċident seta’ kien riżultat ta’ żball uman.
Flimkien mad-dokumenti u l-filmati ta’ din it-traġedja, ż-żewġ kaxxi suwed li nstabu fuq il-post, huma sors ta’ evidenza importanti għall-investigazzjoni, dan spjegah id-Direttur tal-Puliżija Reġjonali, Giancarlo Conticchio.
Żball uman?
Il-prosekutur pubbliku lokali, Francesco Gianella, stqarr li s’issa persuna waħda qed tiġi investigata b’relazzjoni ma’ dan il-każ u li żball uman seta’ kien ir-raġuni wara din it-traġedja.
Iżda ma ġiex eskluż li problemi tekniċi setgħu kienu l-kawża wara din il-ħabta.