Fis-snin sittin-sebgħin, il-poplu Malti trabba fid-dell tal-figura ta’ Mintoff, mexxej li bil-kelma elokwenti, imma wkoll sempliċi, irnexxielu jiġbor madwaru eluf kbar ta’ Maltin.
Fi kliem il-Professur Oliver Friggieri, Mintoff jista’ jitqies bħala werriet ta’ Napuljun, il-bniedem li invada lil Malta u ried ibiddilha minnufih. Il-fehmiet tiegħu, imnisslin fi ħdan ir-Rivoluzzzjoni Franċiża, kellhom jidħlu f’Malta wkoll, u Mintoff kien konvint li dak il-pass kien jiddependi minnu.
Għalhekk, kompla jgħidilna Friggieri, il-ġlieda tiegħu kienet ma’ tradizzjoni twila waħda, ġlieda li huwa tkellem fuqha quddiem folol kbar li ġrew warjah minn rokna għal oħra fil-pajjiż, u li kienu lesti li saħansitra jgħaddu minn kriżi tal-kuxjenza, biex ma jiċħduhx lanqas fl-agħar waqtiet tal-ġlieda politika-ekkleżjastika.
“Żgħażagħ tal-ġenerazzjoni tiegħi kellhom jgħixu b’dan il-paradoss quddiemhom: Mintoff kien ikkundannat mill-Knisja waqt li hu kien qiegħed jisħaq dejjem fuq il-fidwa tal-klassi batuta, u ried jibni strutturi li huma inqas inġusti.”
B’referenza għall-istil tal-kelma tiegħu, il-kittieb qalilna li jistrieħ ħafna fuq ir-rabja, miġmugħa fih għallinqas minn meta s-snin ħamsin rawh jisfida lill-Gvern Ingliż, waqt li l-għażla bejn l-Integration u l-Indipendenza kienet għażla bejn żewġ estremi.
“Il-forza tal-konvinzjoni tiegħu hi l-qofol ta’ personalità li ħabbet ħafna lil Malta għaliex Mintoff kien lest jisfida l-akbar poteri u jimponi aġenda li kellha tbiddel ir-realtà politika mill-qiegħ.”
Fi kliem l-akkademiku, fil-qawwa tal-kelma u fl-istrateġija, Mintoff sab l-għodod li bihom seta’ jqanqal il-kuxjenzi u jikkonvinċi lill-Imperu Ingliż li Malta, għalkemm ċkejkna ħafna u fraġli, kienet deċiża li tkun hi li tfassal il-ġejjieni tagħha.