Tqassmu 85% tad-dokumenti tal-vot li jammontaw għal 303,502 ta’ dawk eleġibbli biex jivvutaw. Dan wara li nhar il-Ġimgħa spiċċa t-tqassim tad-dokumenti tal-voti bieb bieb.
B’hekk fadal 15% tal-voti li baqgħu ma tqassmux li jammontaw għal 51,523 dokument tal-vot. Ċifra li hi kemm xejn għolja meta mqabbla mall-aħħar elezzjoni ġenerali meta f’dan l-istadju kien fadal 11% u ma’ tal-2013 meta kien fadal 7.5%.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt qal li bħalissa qed jiġu mqabbla n-numru tad-dokumenti tal-vot li baqgħu ma tqassmux biex jibda t-tqassim mill-għasses tal-pulizija minn nhar l-Erbgħa.
Gatt spjega, “It-tieni fażi hi li persuna tista’ tmur tiġbor personalment id-dokument tal-vot mill-għassa tal-lokal jew mill-Kunsill Lokali jiddependi liema lokal b’mod personali bil-karta’ tal-identità tagħha u tiġbru bl-istess ħinijiet bejn it-08:00 u s-13:00 u bejn it-15:00 u d-21:00. L-ewwel ġurnata hi nhar l-Erbgħa 16 ta’ Marzu u jibqa’ sejjer inkluż is-Sibt.”
Bħalissa fl-Istamperija tal-Gvern għaddej l-istampar tal-poloz tal-vot li l-poplu se jkun qed jagħti l-verdett tiegħu fuqhom.
Dawn il-poloz se jibdew jintużaw nhar is-Sibt li ġej meta ssir il-votazzjoni bikrija u l-votazzjoni fid-djar tal-anzjani.
Louis Gatt stqarr, “Din il-polza tal-vot tkun stampata fuq karta ta’ sigurtà lill-Kummissjoni Elettorali biss ikollha minnha u hu diffiċli ħafna tikkopja jew tagħmel polza tal-vot eżatt bħal tal-Kummissjoni Elettorali. Ovvjament il-Partit Laburista se jkun aħmar u l-Partit Nazzjonalista Blu.”
Intant, Gatt fakkar li minn se jkun rikoverat fl-isptar jew imsiefer nhar is-26 ta’ Marzu, għandu ċans sa nhar il-Ġimgħa li ġej f’nofsinhar biex jagħmel dikjarazzjoni ġuramentata ġewwa l-Uffiċini tal-Kummissjoni Elettorali fin-Naxxar jew fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex sabiex ikun jista’ jivvota fil-votazzjoni bikrija s-Sibt li ġej.
Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jagħmel kuntatt mall-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista fuq 20901531 jew 20901528.