Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li permezz tal-iskema tal-ispiżjar tal-għażla tiegħek, minn din il-ġimgħa se jitqassmu biżżejjed mediċini għal xahrejn lil 140,000 anzana u anjana.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne stqarr: “Il-POYC minn din il-ġimgħa, propju mil-lum ħa tieħu ġranet, ħa tkun qiegħda tqassam stock ta’ xahrejn mediċini lil 140,000 anzjan li għandna fuq il-lista tagħna biex dawn l-anzjani kollha jkollhom stock ta’ xahrejn mediċina d-dar tagħhom u allura ma jkollhomx għalfejn joħorġu minn darhom, saħansitra biex imorru l-ispiżerija.”
Chris Fearne spjega wkoll li mill-Ġimgħa se jingħalqu ċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani u aċċenna biex issa li ngħalqu l-iskejjel, it-tfal ma jittieħdux għand in-nanniet biex jiġi evitat kull kuntatt li jgħin biex ixerred il-virus anki fost dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
F’dan il-kuntest, id-Deputat Prim Ministru kien ċar u saħaq li għalkemm għalissa l-każijiet pożittivi għall-Coronavirus kollha ġew importati minn barra, il-pass li jmiss u li dan jibda jixtered fil-pajjiż.
Il-Ministru għas-Saħħa sostna: “Sa issa d-disa’ każijiet pożittivi li għandna f’Malta huma kollha każijijiet importati minn barra u sa issa m’għandniex tixrid tal-virus ġewwa l-pajjiż però anki meta rajna x’ġara f’pajjiżi oħrajn nistennew illi l-pass li jmiss ikun illi jkun hawn tixrid ġol-pajjiż.”
Il-Ministru għas-Saħħa spjega kif l-awtoritajiet tas-saħħa qed jaħdmu bi sħiħ biex tiġi evitata s-sitwazzjoni ta’ bosta nies li jiġu infettati f’daqqa.
“Jiġi kollox f’ġimgħa. Jiġifieri jekk aħna qed nistennew li ħa jimirdu tant persuni, li dawn kollha jimirdu f’ġimgħa u jekk jiġri hekk allura jfisser li s-sistemi tas-saħħa tagħna, il-pajjiż kollu jkun swampjat. Is-suċċess ikun meta aħna, mhux għax aħna nkunu naqqasna n-numri għaliex eventwalment, iva nafu li n-numri ħa jkunu li ħa jkunu imma li nwessgħu kemm nistgħu l-curve biex ma jkollniex numru kbir ta’ każijiet f’salt”, kompla jispjega Dr Fearne.
Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li l-helpline tal-Coronavirus, 111 issa qed ikabbar l-operat tiegħu b’ħames darbiet biex jintlaħqu iżjed nies.
Huwa qal: “Ħa nkunu qegħdin inżidu ħamsin operator illi qed jieħu t-telefonati minn fuq il-111 biex b’hekk ikun hemm aktar rispons ta’ ħin qasir.”
Chris Fearne spjega wkoll li dawk fuq kwarantina mandatorja jistgħu jċemplu fuq in-numru 21411411 biex jinġibulhom ħtiġijiet bħal ikel u mediċini.
Min qiegħed fuq kwarantina jista’ jċempel fuq: 21 411 411
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll kif f’Għawdex għaddejjin tħejjijiet biex ikun hemm sittin sodda ta’ iżolament minbarra l-mijiet li qegħdin isiru f’Malta.