Kull min jgħaddi minn quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt jinnota li, mill-ġdid, tpoġġiet grada li għandha fiha diversi slaleb ta’ Malta.
Huwa maħsub li din il-grada kienet tpoġġiet hemmhekk f’nofs is-seklu dsatax, fi żmien il-ħakma Ingliża, iżda neħħiet fl–1990.
Dwar is-sinifikat tagħha tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, Tonio Mallia.
“Il-grada m’għandniex rekords eżatt ta’ meta tpoġġiet, però tpoġġiet qisu fl-1840s u l-1850s. Għandna ritratt tal-1870s. Jiġifieri dak huwa l-iżjed dokument li għandna li juri li, fl-1800s, il-grada kienet hawnhekk u l-grada kienet tpoġġiet mill-Ingliżi.”
Inħass il-bżonn li jsir restawr ta’ din il-grada u terġa’ titpoġġa mill-ġdid fil-post fejn kienet ilha minn żmien l-Ingliżi.
Meta din il-grada tneħħiet fl–1990, inżammet f’post mhux magħluq u b’hekk kienet issaddet minħabba li kienet esposta għal-elementi.
ONE News tkellem ukoll ma’ Ian Camilleri, uffiċjal tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral, li qal li r-restawr dam madwar xahrejn u nofs.
“Neħħejnilha ż-żebgħa li kien għad baqa’ fuqha, saru xi tiswijiet ’l hemm u ’l hawn, għax hi kienet għadha fi stat tajjeb ħafna. Ta’ min jirrimarka illi welding ma’ fiha xejn, kollox bil-pinnijiet. Allura qgħadna attenti li dak kollu li kien hemm bżonn li jsir fuqha bħala restawr isir fuq l-istess metodu.”