Fi tliet snin, in-numru ta’ persuni li rrikorrew għall-għajnuna minħabba vjolenza domestika, żdied b’aktar minn erbgħin fil-mija.
Filwaqt li fl-elfejn u sittax għamlu użu minn dawn is-servizzi, elf, tmien mija u sittax-il persuna, dan in-numru tela’ għal elfejn, ħames mija u ħamsa u sittin fl-elfejn u dsatax.
Kienu bosta taqsimiet u xelters li rreġistraw talbiet għall-għajnuna, iżda l-aktar li għenu vittmi kienu t-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ u l-Korp tal-Pulizija.
Fl-elfejn u dsatax, aktar minn nofs il-każijiet involvew persuni li kellhom inqas minn erbgħin sena u l-maġġoranza tal-vittmi, aktar minn tmenin fil-mija, kienu nisa.
Fl-istess waqt, ħafna minn dawk li għamlu użu mis-servizzi ta’ għajnuna li jeżistu f’pajjiżna, kienu Maltin.
Dawn iċ-ċifri ħarġu fi statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li ġabret informazzjoni dwar każijiet li nvolvew tipi differenti ta’ vjolenza; fosthom dik fiżika, psikoloġika, sesswali u ekonomika.
Il-Kummissarju għal Kontra l-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri, spjegat ma’ dan l-istazzjon li ċentrali fost il-ħidma tal-Kummissjoni, hemm il-kampanji.
Dan biex jipprevjenu u jedukaw, bil-għan li jinħoloq aktar għarfien u jonqos il-ġudizzju.
Qalet kif, “L-abbuż u l-vjolenza jinsabu bejn kwalunkwe koppja. Raġel u raġel, mara u mara, ġuvni u tfajla, żewġ ġuvintur, żewġ tfajliet, membri tal-komunità LGBTIQ, nies b’diżabilità, immigranti, jiġifieri tinvolvi koppji ta’ kull tip.”
Fost il-kampanji li għaddejjin bħalissa hemm dik fuq billboards fit-toroq, li għaliha qed jintużaw xogħlijiet artistiċi tat-tfal.
Qalet, “Meta jkun hemm il-problemi fid-dar ta’ vjolenza u abbuż, it-tfal ibatu ħafna, huma vittmi wkoll, allura sabiħ li nġibu l-espressjoni tagħhom ta’ xi jħossu dwar is-suġġett, fl-apert.”
Kampanja oħra mmirata l-iktar għan-nisa, għandha l-għan li tinforma dwar is-servizzi li jeżistu, b’numri fejn jistgħu jċemplu għall-għajnuna.
Spjegat, “Għandna kampanja oħra ta’ stickers, ħloqna stickers żgħar li jistgħu jitwaħħlu fuq prodotti tax-xagħar u tas-sbuħija sabiex hairdressers u beauticians li għandhom għal qalbhom din il-kawża, jistgħu jagħmluhom mal-prodotti li jixtru n-nies u forsi, min jaf, ikun hemm xi ħadd li dik l-isticker tiswielu ħafna.”
Il-Kummissarju tenniet li filwaqt li l-għajnuna lill-vittmi hija kruċjali, daqstant ieħor hija importanti l-edukazzjoni biex wieħed jipprevjeni din il-pjaga soċjali milli sseħħ.