Fil-ġimgħa li qed tara r-ritorn ta’ bosta studenti fuq il-bankijiet tal-iskola, Transport Malta żiedet il-ħidma u l-infurzar biex tilqa’ għaż-żieda fit-traffiku fit-toroq, b’mod speċjali f’ċertu ħinijiet partikolari tal-ġurnata.
Dan b’ħidma konġunta bejn Transport Malta, Infrastruttura Malta, il-Korp tal-Pulizija u l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali – il-LESA.
Fost l-oħrajn, se jingħata servizz ta’ tow truck b’xejn li se jkun disponibbli mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-sitta sad-disgħa u nofs ta’ filgħodu, u mit-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar sas-sitta u nofs ta’ filgħaxija matul is-sena skolastika.
Wieħed għandu jċempel fuq 80073399 biex jagħmel użu minn dan is-servizz, li jara uffiċjal ta’ Transport Malta jmur fuq il-post u jidderiġi t-traffiku fiż-żona.
Se jiżdiedu wkoll numru ta’ uffiċjali tal-infurzar f’żoni partikolari fejn jinġema ammont konsiderevoli ta’ traffiku, biex jibqa’ għaddej mingħajr xkiel żejjed.
Se jkun hemm ukoll żieda ta’ ħaddiema fiċ-Ċentru tal-Kontroll tat-Traffiku ta’ Transport Malta biex jiġu żgurat koordinament aħjar fejn jinġema t-traffiku.
Transport Malta appellat għall-kooperazzjoni tal-pubbliku u ħeġġet lis-sewwieqa jniżżlu l-app tal-Malta Road Traffic Update (MRTU) li se jkollha aġġornamenti kontinwi dwar l-inkonvenjenti u t-traffiku f’rotot differenti.