Ħmistax-il organizazzjoni ngħaqdu flimkien f’kampanja bl-isem ta’ ‘Paga Minima Diċenti’. Il-kampanja qed issir permezz ta’ tours, jiġifieri dawn l-organizazzjonijiet qed jagħmlu waqfiet f’lokalitajiet differenti, bl-ewwel waqfa tkun fil-Belt Valletta.
Dan bl-għan li jwasslu l-proposti tagħhom lill-pubbliku. Il-kampanja tnediet f’Ottubru tal-2016 u qed iġib flimkien organizzazzjonijiet differenti li fost oħrajn ddiskutew il-proposti tagħhom ma’ partiti politiċi, għaqdiet tal-ħaddiema u organizazzjonijiet mis-soċjetà ċivili.
Huma qed jipproponu numru ta’ proposti, fosthom li l-paga minima tiżdied bi kważi 11% fuq mhedda ta’ tliet snin. Dan sabiex, fi kliem l-organizzaturi ż-żieda fil-paga minima tkun waħda li tirrifletti l-andament ekonomiku pożittiv ta’ pajjiżna.