L-ammont ta’ €265,550 ingħata lil organizzazzjonijiet kulturali matul l-2017 permezz ta’ l-iskema ta’ tnaqqis mit-taxxa ta’ 150% tal-valur tad-donazzjoni mogħtija.
Din l-iskema, li issa dieħla fit-tielet sena, hija waħda mir-riżultati tal-iStrateġija2020 tal-Kunsill Malti għall-Arti. L-iskema tistabbilixxi li l-kumpaniji li jagħtu d-donazzjonijiet lil organizzazzjonijiet kulturali mhux għall-profitt, organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi jew lill-Kunsill Malti għall-Arti bħala intermedjarju f’isem proġetti kulturali b’interess nazzjonali, jistgħu jitolbu l-ammont li jkun ingħata b’150% skont id-dħul għas-sena ta’ stima meta tkun ingħatat id-donazzjoni. Il-limitu massimu tat-tnaqqis tat-taxxa huwa ta’ €50 000. Id-donazzjonijiet approvati saru permezz ta’ 26 applikazzjoni differenti, li rċevew benefiċċju kollettiv tat-taxxa ta’ €46,471 permezz ta’ din l-iskema.
Minn dawn, 17-il donazzjoni li jammontaw għal €173,800 ngħataw lill-arti performattiva (korijiet, każini tal-banda u attivitajiet edukattivi marbutin mal-arti performattiva) filwaqt li 12-il donazzjoni marru lil entitajiet ta’ patrimonju, ammont ta’ €72,250. Donazzjoni waħda marret għas-settur tal-film, li tammonta għal €11,000. Tlieta marru għal attivitajiet kulturali varji – ammont ta’ €8,500 – filwaqt li donazzjoni waħda ma kenitx eliġibbli.
L-iskema se terġa’ tkun fis-seħħ matul is-sena 2018 u taħt l-istess termini. Għal-lista aġġornata ta’ organizzazzjonijiet kulturali li jistgħu jiġu megħjuna b’dan l-inċentiv u informazzjoni dwar it-tnaqqis żur is-sit elettroniku tal-Kunsill Malti għall-Arti www.artscouncilmalta.org