“Il-PN inħakem minn grupp ta’ persuni b’sens qawwi ta’ entitlement, li jekk ma tkunx parti minnhom u toqgħod għal li jordnawlek, jattakkawk u jaraw kif ikissruk … dawn nies tossiċi u mażżra kbira ma’ għonq il-Partit (Nazzjonalista). Jaħtu ta’ kemm telqu (nies) mill-PN u r-raġuni għaliex ħafna qed iżommu ’l bogħod mill-partit. Dan mhux l-istil politiku li jridu n-nies. Imma minflok jiġbdu ħabel wieħed, dawn in-nies jinteressahom biss minnhom infushom”.
Sostniet dan persuna midħla sew tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, b’referenza għall-kriżj interna dejjiema u ġlied ma jaqta’ xejn bejn il-fazzjonijiet differenti fil-PN.
“Il-poplu ta’ sinjal ċar sa minn qabel l-2013, li ma jridx politika tribali u jistenna li l-PN ikun forza ta’ bidla għall-aħjar, billi jkun pożittiv u propożittiv. Iżda, minflok, il-PN inħakem minn erba’ min-nies estremisti li ħlief negattività u jattakkaw saħansitra lil Nazzjonalisti stess ma jagħmlux”, qal l-istess sors lil ONE News.
Kompla jispjega kif “dawn l-individwi baqgħu jġibu ruħhom qishom politiċi f’xi raħal imwarrab Sqalli fil-ħamsinijiet, meta l-konġuri u l-komplotti politiċi kienu l-ordni tal-ġurnata. Dawn huma nies li żmienhom għadda … iżda ma jridux jafu u jibqgħu ggranfati mal-poter. Meta jaraw xi ħadd jaħdem fil-Partit tagħhom stess u li jipprova jagħmel stil ġdid ta’ politika, jittimbrawh u jaraw kif se jħammġuh”, qalilna s-sors tagħna, waqt li ilmenta kif il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qed jibqa’ ċass quddiem dan kollu “għax jitwerwer mill-fazzjoni estremista mmexxija minn Karol Aquilina”.