- IL-GVERN PREĊEDENTI DEJJEM FARFAR FUQ IL-KUNSILL LOKALI
- KIENU ILHOM JINTALBU SNIN
It-toroq li jagħmlu d-dawra ta’ Buġibba se ssirilhom manutenzjoni estensiva b’investiment ta’ €3.5 miljun li huma parti mill-flus li nġabru permezz tal-kontribuzzjoni ambjentali li jħallsu t-turisti.
Kontribuzzjoni ambjentali ta’ €0.50 kull lejl u li ma tistax taqbeż il-€5.
Minn wara l-Għid sa qabel is-sajf se jkun qed jsir proprju re-surfacing tul il-kosta, mill-Qawra għal Buġibba sa San Pawl il-Baħar. Dan hu proġett li ilu mistenni ferm hekk kif l-istat tat-toroq f’din l-akwata qed jagħtu dehra mill-iktar kerha. Il-Kunsilll Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, b’mod partikolari meta kellu tmexxija tal-Partit Laburista kien ilu jitlob lill-gvern biex jidħol għal dan il-proġett.
Iżda, kull darba amministrazzjoni Nazzjonalista tefgħetu fuq il-Kunsill Lokali li bil-fondi allokati għalih żgur ma kellux biex jagħmel proġett ta’ dan it-tip.
L-eks Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Ray Tabone, kiteb: “Li kont ili nitlob u dejjem bqajt sod issa ngħatajt raġun u l-Gvern Ċentrali se jidħol għal dan ix-xogħol kbir. Meta kont Sindku, id-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea kien jinsisti li l-Kunsill responsabbli u mhux il-Gvern.”
“Sodisfatt li kellu jkun Gvern Laburista li bħas-soltu jsolvi problemi bħal dawn u sodisfatt li jien dejjem bqajt ninsisti mal-Gvern li hu jrid jidħol għal dan ix-xogħol,” qal Tabone f’messaġġ li kiteb fuq l-istess linja tiegħu wkoll Alfred Grima, minority leader tal-Partit Laburista f’San Pawl il-Baħar.
Meta ħabbar dan ix-xogħol il-Ministru għall-Infrastruttura, Joe Mizzi, qal li matul din il-leġiżlatura saru xogħlijiet fit-toroq ta’ Buġibba, fosthom kostruzzjonijiet u surfacing ta’ toroq, re-surfacing ta’ ċerti toroq, major patching, bankini, tkomplija ta’ bankini, culverts għall-ilma tax-xita, sar anti-skid material tul Dawret San Pawl u refreshing ta’ line markings. “Proprju ftit ilu għadu kemm sar major patching viċin il-pjazza ta’ Buġibba, f’Dawret il-Gżejjer,” tenna l-Ministru Mizzi li kompla billi elenka lista twila ta’ xogħlijiet.
Semma wkoll xogħol fuq toroq li huwa valutat li tul dawn l-erba’ snin b’kollox ġie jiswa lid-Direttorat għat-Tindif madwar €7 miljun.
Fl-indirizz tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis stqarr li dan il-proġett estensiv fit-titjib tal-infrastruttura u fil-prodott offrut b’mod ġenerali fil-madwar ta’ Buġibba, il-Qawra u San Pawl il-Baħar huwa essenzjali kemm għar-residenti tal-akkwati kif ukoll għall-influss ta’ turisti li jżuruna.
Fi kliem Zammit Lewis, il-Gvern huwa konxju li jrid jindirizza dawn il-materji u għalhekk ġiet introdotta l-miżura tal-kontribuzzjoni ambjentali s-sena li għaddiet, fejn issa se naraw il-frott mid-dħul tagħha.
L-implimentazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni tibbaża fuq l-istrateġija tal-Gvern u l-politika f’dan is-settur li jkompli jikkontribwixxi direttament fit-tkabbir ekonomiku, żied jgħid il-Ministru għat-Turiżmu.
Skont l-aħħar ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-2016 kienu kważi 435,000 turist li għażlu San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra sabiex joqogħdu waqt il-btala tagħhom. Dan ifisser li kważi kwart tat-total kollu tat-turisti li jżuru pajjiżna, joqogħdu f’din iż-żona turistika waqt il-btala tagħhom.
Dan l-ammont ta’ turisti f’San Pawl il-Baħar kiber bi 11% fuq dak irreġistrat fl-istess żona fl-2015 kif ukoll kważi 28% aktar minn dak irreġistrat fl-2012, li kienet l-aħħar sena sħiħa ta’ gvern preċedenti. Fl-2016 ukoll, l-iljieli li għamlu dawn it-turisti f’San Pawl il-Baħar laħaq kważi it-3.5 miljun lejl filwaqt li l-infiq turistiku kien aktar minn €363 miljun, tkabbir ta’ 3% fuq is-sena preċedenti u 24% aktar mill-2012.
Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li “hemm il-ħtieġa li l-infrastruttura ta’ Buġibba titjieb ħalli tikkumplimenta l-investiment li qed isir mis-settur privat f’dak li huwa rinnovazzjoni u restawr fil-lukandi u ristoranti tal-akwata. Bi pjaċir l-MHRA tinsab preżenti waqt it-tnedija ta’ inizjattiva fejn se nsebbħu żona turistika bi preparazzjoni għall-istaġun tas-sajf.”