Malta Public Transport ħabbret li se tkun qed toffri lill-klijenti tagħha servizz ġdid ta’ Auto Top-Up fuq it-tallinja card tagħhom. B’dan is-servizz il-klijenti jistgħu jserrħu rashom li t-tallinja card tagħhom se tkun ittopjata awtomatikament u li m’humiex se jispiċċaw mingħajr kreditu meta jkollhom bżonn jivvjaġġaw bil-karozza tal-linja.
Il-klijenti jistgħu jagħmlu użu mill-faċilità tal-Auto Top-Up billi jirreġistraw għal online account fuq publictransport.com.mt. Malli jidħlu fuq l-online account, il-klijenti għandhom jissettjaw l-Auto Top-Up tagħhom billi jdaħħlu d-dettalji tal-karta tal-kreditu jew tad-debitu tagħhom. Wara li dawn jidħlu fis-sistema, din il-karta ta’ kreditu jew debitu se tidher bħala d-“default card”.
It-top ups awtomatiċi huma bbażati fuq żewġ kriterji: jew meta l-bilanċ jinżel għall-ammont li jiddeċiedi l-klijent jew inkella f’ġurnata parikolari fix-xahar. Il-klijenti jistgħu jagħżlu wieħed minn dawn il-kriterji skont kif jixtiequ huma.
Bħala offerta ta’ introduzzjoni għas-servizz, Malta Public Transport qed tagħti top up ta’ €5 b’xejn lill-ewwel 100 klijent li jirreġistra għal dan is-servizz. Din l-offerta hija valida għall-ewwel Auto Top-Ups registrati sal-31 ta’ Marzu 2017.