Tony Sultana se jinħatar Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku approva n-nomina ta’ Sultana u, wara, din tressqet quddiem il-Kabinett tal-Ministri mill-Prim Ministru, Robert Abela.
Wara l-approvazzjoni tal-Kabinett, in-nomina ntbagħtet lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u l-approvazzjoni tagħha għaddiet għand il-President tar-Repubblika biex issir il-ħatra.
Din il-ħatra issa tidħol fis-seħħ fl-ewwel ta’ Ġunju.
Fl-aħħar snin Sultana mexxa l-MITA bħala Chairman Eżekuttiv.
Hu għandu 36 sena esperjenza fis-settur pubbliku u mexxa bidliet importanti biex tissaħħaħ id-diġitalizzazzjoni fis-settur pubbliku.
Tul is-snin kien fdat bi proġetti maġġuri bħalma kienu t-tmexxija tal-Euro IT Task Force u sistemi ġodda fis-settur tal-enerġija.
Il-Kabinett tal-Ministri rringrazzja wkoll lis-Sur Mario Cutajar tal-ħidma tiegħu bħala Segretarju Permanenti Ewlieni fl-aħħar snin.