Il-plejer malti Tony Drago irnexxielu jgħaddi għas-semifinali tal-Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker tal-Veterani hekk kif fil-kwarti finali li ntlagħbet is-sibt huwa għeleb lil Mark Davies bi skor ta’ 4-3. Kienet logħba mill-isbaħ u kumbattuta li finalment rat lil Drago joħroġ rebbieħ.
Drago beda tajjeb ħafna u mar 3-0 minn fuq. Iżda Davies wettaq reazzjoni inkredibbli u ġab l-iskor 3-3. Is-seba’ frame kien wieħed mimli emozzjonijiet bi Drago jirnexxielu jirbħu 67-48.
Issa Drago fis-semi finali jilgħab kontra r-rebbieħ tal-kwartifinali l-oħra bejn Jimmy White u Adrian Ridley li tintlagħab illejla fit-8pm.
Dan il-kampjonat huwa miftuħ għall-plejers -il fuq minn 40 sena u b’kollox ser ikunu ħadu sehem 16 il-player minn seba’ pajjiżi differenti.
Drago kien fost seba’ plejers li kellhom stedina mill-World Snooker Federation għal dan il-kampjonat ta’ prestigju. Il-plejers l-oħra mistiedna m’għandhom bżonn l-ebda introduzzjoni fix-xena internazzjonali tas-snooker u dawn huma Mark Davies, Ken Doherty, Stephen Hendry, Joe Johnson, Lee Walker (ir-rebbieħ ta-sena l-oħra) u Jimmy White.