L-eks Segretarju Parlamentari Tony Abela, li lura fil-Parlament reġa’ għamel dikjarazzjoni tal-assi super, kien wieħed mill-ftit persuni li tul is-snin kellu aċċess dirett għall-ista JS tal-Partit Nazzjonalista.
Dan għax għal tliet snin sħaħ kien it-teżorier tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk kellu x-xogħol li jara li min ikun fuq din il-lista jikkontribwixxi lill-Partit. Il-JS list iġġib l-inizzjali ta’ Joe Stellini eks teżorier tal-PN li fi żmienu nħolqot il-lista. Lista maħsuba biex min jirbaħ kuntratti tal-gvern jagħti donazzjonijiet lill-Partit Nazzjonalista.
Tul is-snin din il-lista fissret eluf kbar jekk mhux miljuni ta’ ewro għall-Partit Nazzjonalista. Fost in-nies li żvelajna fl-aħħar xhur li kienu parti minn din il-lista hemm Tancred Tabone, involiut fl-iskandlu taż-żejt, Mark Portelli, li ngħata għadd kbir ta’ karigi pubbliċi u Marin Hili li wkoll kellu karigi pubbliċi fi żmien gvern Nazzjonalista.
Illum li l-Partit Nazzjonalista m’għadux fil-gvern il-JS List inbidelt fi skema ċedoli. Fejn partitajrji nazzjonalisti u negozjanti qed jintalbu jsellfu l-eluf lill-partit nazzjonalista. Sa issa jirriżulta li din l-iskema ma ġibditx is-suċċess mixtieq u persuni differenti diġa’ bdew jippontaw subajgħhom lejn xulxin.
Filwaqt li hemm min qed iwaħħal f’Ann Fenech li qiegħda tmexxi l-iskema, oħrajn qed iwaħħlu f’Rosette Thake li f’konferenza tal-aħbarijiet qalet li m’hemm xejn garantit.