F’xahar, ir-rata annwali tal-inflazzjoni hekk kif imkejla mill-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut naqset b’żero punt sebgħa (0.7) fil-mija.
Dan ħareġ skont l-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fejn jirriżulta li f’Awwissu li għadda din ir-rata kienet ta’ erbgħa fil-mija. Dan meta f’Lulju, din ir-rata kienet ta’ erbgħa punt sebgħa fil-mija.
Skont dawn iċ-ċifri ħareġ li l-ogħla rata ta’ inflazzjoni ġie rreġistrat fl-indiċi tal-ikel, minħabba żieda fil-prezzijiet tat-takeaways. Wara jsegwu l-indiċi tal-akkomodazzjoni u ta’ prodotti u servizzi oħrajn.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li f’sena, din ir-rata naqset sew, hekk kif f’Awwissu tas-sena l-oħra, ir-rata ta’ inflazzjoni, skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, kienet ta’ sebgħa fil-mija. Dan ifisser li f’sena din ir-rata naqset bi kważi n-nofs.
Din tkompli max-xejra li kien hemm fix-xhur ta’ qabel, hekk kif ir-rata ta’ inflazzjoni skont dan il-kejl qed tonqos xahar wara xahar.