Permezz ta’ liġi ġdida, li għaddiet mill-Parlament, issa l-età tal-kunsens mediku naqset minn sittax għal erbatax-il sena. Dan ifisser li l-adoloxxenti m’għandhomx bżonn iġibu l-kunsens tal-ġenituri jew dawk li jieħdu ħsiebhom, fosthom biex jieħdu s-servizz ta’ psikjatra, psikologu jew tabib.
L-emenda proposta għandha l-għan li tagħti s-setgħa lill-adoloxxenti biex ifittxu assistenza medika b’mod indipendenti f’sitwazzjonijiet bħal dawk ta’ saħħa mentali severa, fejn l-istigma jew id-diżapprovazzjoni tal-ġenituri jistgħu jiskoraġġixxuhom milli jfittxu l-għajnuna.
Kif anke spjegalna Michael Falzon, il-Ministru responsabbli mid-drittijiet tat-tfal, din l-inizjattiva tindirizza l-ħtieġa urġenti li l-adoloxxenti jingħataw aċċess għal servizzi essenzjali tas-saħħa f’ċirkostanzi speċifiċi u sensittivi fejn l-involviment tal-ġenituri jista’ ma jkunx fl-aħjar interess tagħhom.
Qal, “Issa l-kunsens mediku jista’ jingħata minn persuna li għandha 14-il sena, mhux marbut ma’ kunsens mediku kif kien oriġinali, imma baqa’ wiesa’ għal fejn tidħol psikjatrika, psikoloġija. Naħseb hu eżerċizzju pożittiv ta’ empowerment liż-żgħażagħ tagħna, minbarra li jkollok realtajiet ukoll fejn kieku ma jkunx hekk min jagħti l-kunsens mediku, legal guardian, jista’ jkun parti mill-issue li jkollu l-minuri u hemmhekk żgur li ma jingħatax il-kunsens.”
Il-Ministru spjega kif il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, li jaħdmu direttament mat-tfal, enfasizzaw każi fejn l-adoloxxenti jiċċaħħdu mill-kura medika meħtieġa minħabba s-sitwazzjoni kumplessa familjari tagħhom u restrizzjonijiet tal-età.
Sitwazzjonijiet oħrajn jistgħu jkunu wkoll każi ta’ abbuż jew negliġenza, fejn il-kunsens tal-ġenituri ma jkunx possibbli u allura jevitaw intervent f’waqtu.
Qal, “F’dawn l-14-il sena dehrilna, anke teżisti f’ġurisdizzjonijiet oħrajn u l-argument dejjem jibqa’, għaliex jekk għandu dik il-maturità, għaliex m’għandux jagħti dak il-kunsens. Tal-14-il sena ġiet naturali, fis-sens l-ewwel niżlet għal 16, imbagħad twessgħet, illum niżlet għal 14 u kompliet titwessa’ wkoll. Hawn qed naraw purament eżerċizzju ta’ empowerment.”