L-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech u l-membri tal-Oppożizzjoni tal-lum għadhom bl-istess mentalità, dik li jitfgħu l-ogħla piżijiet fuq il-poplu.
Qalet dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, b’reazzjoni għal kumment li għamel l-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fl-aħħar jiem.
Dan wara li Fenech, li taħt l-amministrazzjoni ta’ GonziPN kien responsabbli għad-diżastru fil-finanzi u anke fl-Enemalta, fost l-oħrajn, stagħġeb dwar is-sussidju ta’ €350 miljun li l-Gvern se jkun qed joħroġ ukoll din is-sena biex il-kontijiet tad-dawl għall-familji u n-negozji jibqgħu stabbli u l-uniċi fl-Unjoni Ewropea li ma żdiedux.
Kompletament bil-kontra ta’ dak li seħħ fi żmien l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista.
TONIO FENECH – “Jien nistagħġeb kif qed ngħidu li qed nagħtu lill-Enemalta, jew sussidji f’sena ta’ tlett mitt miljun f’enerġija. Fi żmienna, sussidju f’sena lill-Enemalta kien jingħata madwar erbgħin, ħamsin miljun.”
CLAYTON BARTOLO – “Imma kienu jogħlew il-prezzijiet”
TONIO FENECH – “Le, le.”
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, il-Ministru Miriam Dalli spjegat li, filwaqt li diversi pajjiżi madwar l-Ewropa qegħdin iħallsu kontijiet esaġerati, is-sitwazzjoni f’Malta hi differenti.
Fil-fatt, minkejja l-isifidi internazzjonali bla preċedent, il-Gvern Malti żamm il-prezzijiet stabbli tal-enerġija għal familji u n-negozji.
Xi ħaġa li l-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech u l-amministrazzjoni Nazzjonalista m’għamlux, tant, li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien iddikjara pubblikament li se jivvota “bil-qalb kollha” biex il-kontijiet jogħlew.
Atteġġjament li għadu jirrenja llum fil-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech.
“Tonio Fenech u l-Gvern li kien jagħmel parti minnu ma kienx jissussidja l-kontijiet tan-nies, qatt ma daħħal għall-piż li nies kienu qed iġorru. Tonio Fenech u l-Gvern li kien jagħmel parti minnu tefgħu l-piż, u għadhom bl-istess mentalità u l-ħsieb sal-ġuranta tal-lum, kif rifless ukoll mill-membri li hemm fl-Oppiżizzjoni, bil-Kap Nazzjonalista nnifsu jgħid li hekk għolew barra, jogħlew hawn ukoll.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Waqt l-aħħar sessjoni tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, Fenech ukoll sejjaħ il-pjan li kien ressaq il-Partit Laburista fl-elfejn u tlettax tar-roħs fil-kontijiet ta’ dawl u l-ilma bħala “Pantomima ta’ Alice in Wonderland”.
Pjan li mhux biss raħħas il-kontijiet b’ħamsa u għoxrin fil-mija mill-bidu tal-elfejn u erbatax għall-familji, u sena wara għan-negozji, iżda fisser li tmenin miljun ewro kull sena baqgħu fil-bwiet tal-familji u tan-negozji minn dakinhar ’l hawn.
L-eks Ministru, li kien jiġi kkritikat ripetutament li kien ifalli kull mira finanzjarja li kien jagħmel fi żmienu, iddefenda wkoll id-deċiżjoni li ħa Gvern Nazzjonalista biex jgħolli l-kontijiet tad-dawl.
Kontijiet li f’Mejju tal-elfejn u għaxra, kienu saru l-ħames l-ogħla fl-Unjoni Ewropea, wara li kien ġie irrapportat ukoll li wieħed u sittin fil-mija tal-familji Maltin u Għawdxin ma jifilħux iħallsu l-kont tad-dawl.
TONIO FENECH – “Meta kien hemm daqqa kbira fil-prezzijiet taż-żejt, kellek tirrispondi”.
ANDY ELLUL – “Billi tgħolli l-kontijiet…”
TONIO FENECH – “Huwa metodu.”
“Kien hemm ħtieġa li kontijiet tad-dawl jiġu aġġustati.”
“Id-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu, ittieħdu.”
“Sagrifiċċju li kellu jsir.”