L-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech jaħdem għall-kumpaniji b’sidien irreġistrati f’ġurisdizzjonijiet sigrieti bħal British Virgin Islands (BVI) u Jersey. Dan jirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu li analiżi dettaljata tagħhha saret fil-maltatoday. L-istess gazzetta rrapportat kif mill-Kabinett, Tonio Fenech spiċċa fil-prattika privata ma’ eks uffiċjali tal-Bank of Valletta ftit wara li l-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni ġenerali.
Jirriżulta li ftit wara li ma baqax il-Ministru tal-Finanzi, Fenech ingħaqad ma’ dawk l-uffiċjali biex sar chairman ta’ kumpaniji li s-sid reġistrat tagħha huwa fil-British Virgin Islands.
Pajjiż li tant issemma fl-aħħar xhur minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista biex isir attakk fuq iċ-chief of staff tal-Prim Ministru.
Kumpanija li tagħha Tonio Fenech huwa chairman jisimha Abalone Asset Management u twaqqfet f’Lulju 2015. Il-Kap Eżekuttiv tagħha huwa ċertu Toberto Colapinto. Filwaqt li l-kumpanija hija reġistrata f’post meqjus bħala ‘tax haven’ fejn xogħol minn Mossack Fonseca, li tissemma f’Panama Papers, isir bil-bosta. Fil-fatt kienu involuti fit-twaqqif ta’ din il-kumpanija Morgan& Morgank, li wkoll jissemmew bi prominenza f’Panama Papers.
Fenech jagħti wkoll is-servizzi tiegħu lil Marlin Property Holdings u Primero Holdings. Kumpaniji li twaqqfu f’Malta f’Ġunju 2013 u Settembru 2014. Hu jservi bħala segretarju ta’ dawn il-kumpaniji li s-sid tagħhom huwa First Name Group li wkoll huwa bbażat f’tax haven. Din id-darba Jersey.
MA’ DIRETTURI LI ĦATAR HU
L-aġir ta’ Tonio Fenech jqajjem ukoll mistoqsijiet etiċi li f’pajjiżi oħra waslu saħansitra għal riżenji.
Dan minħabba l-mod kif wara l-gvern ma damx ma’ sab ruħu spalla ma’ spalla fis-settur privat ma’ nies li meta kien fil-Kabinett ingħataw karigi pubbliċi.
Wara li spiċċa mill-gvern Fenech inħatar direttur ta’ Credorax flimkien mal-eks Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Tonio Depasquale. Din hija kumpanija li toffri servizzi ta’ pagamenti online lil diversi kumpaniji.
Persuna oħra li Tonio Fenech kien ħatar fil-Bank of Valletta imbagħad spiċċa jaħdem magħha hu Danny Publio Rosso. Iż-żewġ persuni huma diretturi f’kumpanija Svizzera.
Mal-eks Kap Eżekuttiv Charles Borg (maħtur minn Fenech ukoll) u l-istess Russo Fenech huwa wkoll direttur fil-kumpanija Vallcara Limited, kumpanija li s-sidien tagħha huma Vallgesa Limited.
Fenech jiddikjara li għandu wkoll xogħol f’numru ta’ kumpaniji oħra.
Mal-maltatoday Fenech iddefenda l-pożizzjoni tiegħu billi qal li ebda mill-karigi li jokkupa fil-privat ma twassal għal kunflitt max-xogħol tiegħu ta’ deputat parlamentari.
Grafika: MaltaToday