Qed joħorġu minn kulimkien id-dikjarazzjonijiet dwar x’għamel ħażin il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar erba’ snin u fost dawk li kitbu l-ħsibijiet tagħhom hemm l-eks Ministru Tonio Fenech. F’The Malta Independent Fenech tkellem dwar il-valuri li fi kliemu tilef il-Partit Nazzjonalista. L-artiklu semmieh “What does the Nationalist Party stand for?” Għaliex qiegħed hemm il-Partit Nazzjonalista u fl-ewwel paragrafu wieġeb li l-uniku risposta li jista’ jgħid hi: “Ma nafx.”
F’referenza ċara għal Salvu Mallia Tonio Fenech kiteb li għall-partit kien iktar importanti li jkollu kandidat li jgħid li ma jemmen f’xejn u jġib 115–il vot milli jkollu kandidat li fl-elezzjoni ta’ qabel ġab iktar minn tmien t’elef vot. Kien Tonio Fenech innifsu li fl-2013 kiseb iktar minn tmien t’elef vot.
Hawn irrefera lejn kif it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tilfet il-kunfidenza li tirbaħ l-elezzjoni fuq il-valuri tal-Partit Nazzjonalista. “Ma kelliex il-paċenzja li tibni, minflok fittxet rebħiet ta’ malajr,” sostna Tonio Fenech fl-artiklu tiegħu.
Qal li l-Partit Nazzjonalista żamm l-arma, il-bandiera u l-innu biex ma jaljenax il-votant tradizzjonali, iżda imbagħad għamel deċiżjoni konxja biex jidher iktar liberali. Settur fejn skont Fenech qatt ma jista’ jlaħħaq mal-Partit Laburista.
“Diffiċli ngħodd kemm nazzjonalisti esprimew l-uġigħ u l-konfużjoni li bħalha partit ma konna qegħdin inħaddnu l-ebda twemmin,” qal Fenech. Żied jgħid li hemm min jgħid li l-PN m’għadux id-dar tiegħu u li r-ruħ inbiegħet għal voti li ma nkisbux xorta waħda.