L-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech tilef libell li fetaħ lill-Ministru Konrad Mizzi wara li qal li ħassu mmalafamat b’diskors li kien għamel waqt il-programm Sibt il-Punt fuq ONE Radio dwar is-serq tad-dawl.
Il-qorti qieset li mill-provi li tressqu l-Qorti, l-Enemalta kienet ilha għal ħafna snin tbati minn telf ta’ ħlas ta’ kull ma tiġġenera bħala enerġija.
Fil-qorti Karl Camilleri, l-eks kap eżekuttiv tal-Enemalta ma eskludix li kien għarraf lill-eks Ministru Tonio Fenech dwar rapport li ttratta s-serq tad-dawl minħabba difetti fl-ismart meters.
Ħareġ ukoll li għalkemm kien hemm indikazzjoni mill-esperti dwar tbagħbis fl-arloġġi tad-dawl, l-Enemalta taħt Tonio Fenech baqgħet ma għamlet xejn dwar il-konklużjonjiet tal-esperti.
Jirriżulta minn informazzjoni ppreżentat fil-Qorti li l-Enemalta fuq perjodu ta’ sitt snin bejn l-2010 u l-2015, mexxiet fuq għexieren ta’ każijiet bl-akbar ammont ikun fl-2014, jiġifieri meta l-Ministru Mizzi kien fdat politikament bl-Enemalta.
L-Inġinier Fredrick Azzopardi xehed li fl-Enemalta ma kienx hemm Theft Control Unit u għalhekk il-każijiet ta’ serq ma kinux jingħataw prijortià.
Saħansitra ħareġ li għalkemm l-installazzjoni tal-ismart meters bdiet fl-2009 bil-benefiċċju ewlieni jkun li ssir analiżi dettaljata tal-kosnum ta’ kull dar f’temp qasir, dan ma kienx qed jintuża peress li s-sistema kompjuterizzata li kellha tiġi installata bħala sistema ta’ analytics biex tevalwa u tiskopri anomaliji fil-konsum, fosthom minħabba serq, kienet għadha lanqas biss ġiet installata.
Il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale nnotat li l-kumment tal-Ministru Mizzi kienu korretti peress li rriżulta li fil-perjodu meta l-Enemalta kienet taħt Tonio Fenech, is-serq tal-elettriku kien kbir u s-sistemi li ddaħħlu biex jindirizzaw is-serq ma kinux qed jintużaw kif suppost.
Qalet li meta l-Enemalta kienet taqa’ taħt Fenech ma kienx qed isir biżżejjed biex jiġi indirizzat is-serq u jinqabdu dawk li kienu qed jisirqu d-dawl.
Il-Maġistri Depasqualet qal li Fenech ma jistax iqis il-kliem li saru fil-konfront tiegħu mill-Ministru Mizzi bħala libellużi u malafamanti peress li kienu biss kritika ta’ dak li kien qed isir fil-passat. Kritika msejsa fuq fatti sostanzjalment veri u pprovati.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ċaħdet il-libell ta’ Tonio Fenech u ordnatlu jħallas l-ispejjeż kollha tal-kawża.