Il-Maġistrat Francesco Depascuale ta s-sentenza tiegħu fil-każ tal-libell kriminali li l-eks Ministru Nazzjonalista kien għamel b’rabta ma’ kummenti li l-Ministri Chris Cardona u Evarist Bartolo għaddew ftit qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali f’konferenza tal-aħbarijiet dwar ir-rigal li rċieva mingħand l-aħwa Farrugia.
Intqal li “l-Qorti ma tistax tara kif Tonio Fenech jista’ jħossu malafamat b’fatti li huma veri.”
Mill-kawża rriżulta li huwa fatt li Tonio Fenech aċċetta bħala rigal arloġġ mingħand ta’ Farrugia. Rigal li għamlitu Inez Farrugia, l-mara ta’ Ray Farrugia, ħu George Farrugia li ngħata l-proklama biex jgħid il-verità kollha dwar il-każ tax-xiri taż-żejt. Ta’ dan Inez Farrugia tħallset mill-kumpanija Power Plan, il-kumpanija involuta fil-qasam taż-żejt u implikata f’dak meqjus bħala l-ikbar skandlu ta’ xiri ta’ żejt.
Il-Qorti qalet li Evarist Bartolo u Chris Cardoa kellhom mhux biss dritt imma dmir li jinformaw lil pubbliku b’dan kollu.
Tul il-kawża l-avukat difensur Edward Gatt li deher għall-Minsitru Cardona sostna li l-inkwiet tan-nies ma kienx kemm jiswa r-rigal imma l-fatt li ministru aċċetta rigal. Gatt saħaq li wara dak li sar Fenech induna li wettaq żball u llum kien qed jipprova jsikket lil ħaddieħor milli jitkellmu dwaru.
L-avukat Stefan Zrinzo Azzopardi deher għall-Ministru Bartolo, u tul is-smigħ tal-kawża nnota li Tonio Fenech iddejjaq li ħareġ dak li huwa stat ta’ fatt jiġifieri li rċieva oġġett. Zrinzo Azzopardi agumenta li l-kodiċi ta’ etika jgħid li Fenech ma setax jieħu rigal li seta jintuża biex ikun hemm obbligazzjoni min-naħa tiegħu.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2016/06/160601100852_0001.pdf”]