L-ex-ministru Nazzjonalista Tonio Fenech mhux se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li ġejja. Tonio Fenech, li għandu 48 sena, kien ilu fil-politika għoxrin sena.
Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, Tonio Fenech kien elett minn żewġ distretti – mit-tmien distrett u mit-tnax-il distrett.
Tonio Fenech huwa t-tieni deputat Nazzjonalista li kien elett mit-tnax-il distrett u li f’dawn l-ahhar ġranet ħabbar li mhux se jkun qiegħed jerġa’ jikkontesta.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, id-deputat Michael Gonzi wkoll ħabbar li ddeċieda li ma jerġax jikkontesta.
Tonio Fenech u Michael Gonzi kienu l-aktar żewġ kandidati li ġabu voti fuq it-tnax il-distrett. Fl-ewwel għadd, Tonio Fenech kien ġab 3,202 voti, waqt li Michael Gonzi kien kiseb 2,886 vot.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar li huwa se jikkontesta fuq it-tnax-il distrett. Imkejjen qrib il-Partit Nazzjonalista qalu li kien l-irtirar ta’ Tonio Fenech u Michael Gonzi li wassal lil Simon Busuttil biex jikkontesta fuq it-tnax-il distrett, f’attentat li jimla’ l-vojt tagħhom.