“Il-poplu kellu jgħid aħħ, għaż żdiedu l-kontijiet” u “Jien kburi bil-mod kif iddeċidejna.” Dawn kienu dikjarazzjonijiet tal-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech, li kien responsabbli mill-finanzi tal-pajjiż fi żmien l-amministrazzjoni ta’ Lawrence Gonzi.
Hu kien qed jieħu sehem f’sessjoni oħra tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, li t-Tlieta waranofsinhar kompla jiddiskuti r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt tal-Electrogas.
Fil-fatt, tul din is-sessjoni Fenech kien mistoqsi dwar id-deċiżjonijiet tal-Gvern Nazzjonalista qabel l-2013 b’rabta mal-kontijiet tad-dawl f’pajjiżna u s-sitwazzjoni finanzjarja mwegħra li kienet fiha l-Enemalta.
“Iva sfortunatament il-poplu kellu jgħid ‘aħħ’, għax żdiedu l-kontijet. Jien ma jiddispjaċinix u kburi bil-mod kif iddeċidejna li nallokaw ir-riżorsi tagħna.”
Tonio Fenech – Eks Ministru Nazzjonalista
Fenech qal dan hekk kif sostna li pprefera li l-Gvern Nazzjonalista jipproteġi l-fabbriki f’pajjiżna. Dan minkejja li f’sitwazzjoni ekonomika ħafna agħar kawża tal-pandemija u l-Gwerra fl-Ukrajna, Gvern Laburista pproteġa l-impjiegi, fosthom bil-Covid Wage Supplement, filwaqt li laqa’ għall-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-enerġija, fl-istess ħin.
Iżda Tonio Fenech, li fi żmienu pajjiżna daħal fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv, tenna li l-Kabinett ta’ Gonzi ma kellux għażla oħra u b’hekk ħa d-deċiżjoni biex jgħolli l-kontijiet.
“Ir-reviżjoni tal-kontijiet ħadha l-Kabinett kollu. With hindsight ma kienx hemm option oħra.”
Tonio Fenech – Eks Ministru Nazzjonalista
Dan anke hekk kif Fenech ipponta għal rapport ta’ Standard and Poors li kien sostna li, biex ir-rating tal-Enemalta, jerġa’ jitla’, kellhom jogħlew il-kontijiet tad-dawl.
Madankollu l-Ministru Clayton Bartolo nnota li Gvern Laburista għolla r-rating tal-Enemalta mingħajr ma qatt għolla l-kontijiet tad-dawl.
“Meta Gvern Laburista, wara l-2013, irnexxielu jgħolli, minn downgrading iġib upgrading għall-Enemalta, mingħajr ma għolla l-kontijiet tad-dawl kienet xi ħaġa tajba. Anzi raħħashom, jiġifieri inti hemmhekk għadek kemm qed tgħid li l-kontijiet tad-dawl m’għolewx biżżejjed biex nevitaw downgrade. Wara l-2013 kellna upgrade mingħajr ma għolew il-kontijiet tad-dawl, anzi raħsu u dawn prezzijiet li għadna nħallsuhom sal-lum, kif tispjegah dan il-fatt?”
Clayton Bartolo – Ministru
Hawn dehret l-iskumdità tad-deputati tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat.
Sadanittant, tul ix-xhieda tiegħu, Fenech faħħar lill-eks Ministru Nazzjonalista Austin Gatt għax-xogħol tiegħu b’rabta mal-proġett skandaluż tal-power station tal-BWSC.
“Il-Ministru Gatt ħa numru ta’ inizjattivi importanti dwar l-Enemalta, fosthom il-proġett tal-BWSC.”
Tonio Fenech – Eks Ministru Nazzjonalista
L-istess BWSC li, biex setgħet tikkwalifika u tirbaħ it-tender ta’ €165 miljun, il-Gvern ta’ Gonzi kien naqqas il-liġi ambjentali ta’ pajjiżna biex jiġi akkomodat l-impjant li kien jaħdem bil-heavy fuel oil.
Iżda dan Tonio Fenech ma ftakrux.
Clayton Bartolo: “Però fl-istess waqt, Sur Fenech, kienet inbidlet il-liġi biex tintagħżel l-impjant tal-BWSC.
Tonio Fenech: “Ma nafx għal liem liġi qed tgħid.”
Clayton Bartolo: “Liġijiet ambjentali.”
Tonio Fenech: “Jista’ jkun.”