Id-deputat Nazzjonalista u eks Ministru tal-Finanzi, Tonio Fenech, huwa direttur ta’ fond investigat mill-aġenzija għall-pensjonijiet fl-Iżvezja. Liema investigazzjoni issa għaddiet għand il-pulizija u l-awtoritajiet għas-servizzi finanzjarji fiż-żewġ pajjiżi.
L-investigazzjoni hija dwar kif madwar €216 –il miljun ta’ tfaddil mill-pensjonijiet setgħu għaddew ġo fond b’mod frodolenti. Però mal-maltatoday, li f’pajjiżna rapportat l-istorja l-Ħadd filgħodu, Tonio Fenech iddefenda l-pożizzjoni tiegħu u qal li l-awtoritajiet Svediżi għandhom aġenda kontra Malta.
Jirriżulta li t-tħassib hu kif Konsumentkraft, ċentru f’Alicante, Spanja, ħeġġeġ lill-klijenti Svediżi biex jgħaddu t-tfaddil tagħhom minn fond privat għal Falcond Funds li tagħha Fenech huwa direttur.
Minn Konsumentkraft, persuni mhux ta’ esperjenza kienu mħeġġa jgħaddu l-flus minn fond għal-ieħor permezz ta’ tattiċi li qed ikunu deskritti bħala frodolenti. Dan f’każ li l-midja fl-Iżvezja qed tinvestiga wkoll tant li One News jista’ jikkonferma li fl-aħħar ġimgħat ġurnalisti Svediżi dehru quddiem il-Parlament jintervistaw lil Tonio Fenech.
Waħda mill-mistoqsijiet li qed iqumu hi jekk dan ix-xogħol sarx għal ċertu Emil Ingmanson li huwa reġistrat fuq diversi indirizzi f’Malta, għandu kumpaniji f’Malta, aġixxa fit-twaqqif ta’ Falcon Funds u li issa qed ifittex liċenzja biex jibda negozju ġdid bl-isem ta’ Falcon Asset Management
Hu ċaħad l-akkuzi li kien hu li qabbad lil Konsumentkraft tagħmel it-telefonati biex il-klijenti jgħaddu l-flus għal Optimus, u eventwalment Falcon Funds. Iżda, l-awtorità ggħall-pensjonijiet fl-Isvezja qed tgħid li t-tfaddil ta’ 20,000 klijent li għadda għal Falcon Funds għandhom valur iktar għoli minn kemm hu, filwaqt li l-valur veru ta’ numru ta’ investimenti ma jistax ikun magħruf.
Tonio Fenech ċaħad l-akkużi u filwaqt li kkonferma li Konsumenkraft intużaw minn Falcon Funds qal li dan kien għall-perjodu żgħir fl-2015 għaliex imbagħad twaqqfu minħabba l-akkużi marbuta mal-mod kif kienu qed ibiegħu l-prodott. Minħabba l-assoċjazzjoni ma’ din il-kumpanija Falcon Funds spiċċat ukoll sospiża, b’Tonio Fenech jgħid li ltaqa’ mal-awtoritajiet Svediżi u staqsa għalfejn is-sospensjoni ma tneħħitx.
Fenech kellu wkoll kliem ta’ difiża għal dan Ingmanson li skont l-eks Ministru Malti ffaċja akkużi mhux ġusti mill-mezzi tax-xandir Svediżi.
Fi programm Cold Facts fl-Iżvezja kien spjegat ukoll kif sar l-allegat qerq fuq il-klijenti Svediżi. “Konna noffru biss Falcon Funds bħala ‘għażla’ għaliex huma kienu qed iħallsuna. B’hekk anke jekk il-klijent kien ikun irid fond ieħor, dan qatt ma kien se jiġri,” qal eks ħaddiem ta’ din il-kumpanija. Komplew jispjegaw kif kienu jitolbu l-klijenti d-dettalji biex jidħlu fis-sistemi u jitrasferixxu kollox malajr fil-Falcon Funds. B’dan il-mod qarrieqi, anke billi semmew l-awtoritajiet Svediżi, kienu trasferiti l-miljuni fi ftit żmien.
Sors tal-grafika: maltatoday