L-eks ministru Nazzjonalista Tonio Fenech għandu ħafna xi jwieġeb dwar il-mod li bih ġew trasferiti flus għal Falcon Funds minn fond privat.
Dan stqarritu Sara Recabarren, il-ġurnalista li qed issegwi l-każ li wassal għal investigazzjonijiet tal-awtoritajiet fl-Iżvezja dwar kif miljuni ta’ ewro fi flus ta’ pensjonanti spiċċaw trasferiti għal fond li tiegħu Tonio Fenech huwa direttur.
F’intervista esklussiva, li se tixxandar illejla f’ONE NEWS, Recabarren stqarret li ratha ħaġa stramba li Tonio Fenech iddeskriva l-investigazzjoni li qed issir bħala aġenda kontra Malta. “Wieħed aħjar jistaqsi lil Tonio Fenech għaliex Konsumenkraft kienet qed tmexxi l-flus għal Falcon Funds,” qalet il-ġurnalista li dwar il-każ saħansitra produċiet dokumentarju.
Dokumentarju li wassal biex ftit ħin wara li ntwera, il-pulizija Żvediża għamlu raid fl-uffiċini fejn jopera l-fond Konsumentkraft minn fejn saru t-telefonati li minnhom għaddew il-flus b’mod li allegatament huwa frodulenti.
Fi programm Cold Facts kien spjegat kif sar l-allegat qerq fuq il-klijenti Svediżi. “Konna noffru biss Falcon Funds bħala ‘għażla’ għaliex huma kienu qed iħallsuna. B’hekk anke jekk il-klijent kien ikun irid fond ieħor, dan qatt ma kien se jiġri,” qal eks ħaddiem ta’ din il-kumpanija. Komplew jispjegaw kif kienu jitolbu l-klijenti d-dettalji biex jidħlu fis-sistemi u jitrasferixxu kollox malajr fil-Falcon Funds. B’dan il-mod qarrieqi, anke billi semmew l-awtoritajiet Svediżi, kienu trasferiti l-miljuni fi ftit żmien.
Iktar mill-intervista ma’ Recabarren f’ONE NEWS tas-19.30