L-eks Viċi Kap Nazzjonalista u llum konsulent tal-Kap Adrian Delia, Tonio Borg fetħilha kontra l-emendi mressqa fil-liġi għall-ugwaljanza li qed tiġi diskussa fil-Parlament bil-għan li tkompli tinqata’ d-diskriminazzjoni.
Tonio Borg sejjaħ din il-liġi bħala attakk vili u qal li l-emendi jattakkaw it-tagħlim fl-iskejjel tal-Knisja.
Il-kwistjoni ddur fuq it-tagħlim tal-bijoloġija fi skejjel tal-Knisja.
Skont Tonio Borg l-iskejjel huma ħielsa dwar it-tagħlim tar-reliġjon iżda mhux fit-tagħlim ta’ suġġetti bħal bijoloġija dwar il-konċipiment tal-ħajja.
L-eks Kummissarju Ewropew li kien l-id il-leminija wkoll tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kien u għadu vuċi konservattiva fil-Partit Nazzjonalista, tant li fl-aħħar konferenza tal-aħbarijiet li għamel Delia, ħadu miegħu.
Tonio Borg li ta x’jifhem li hemm verżjoni Kattolika u oħra xjentifika tal-bijoloġija kien fuq quddiem jikkampanja kontra d-dħul tad-Divorzju f’pajjiżna.
Borg kien saħansitra vvota kontra d-dħul tad-Divorzju fil-Parlament u b’hekk mar kontra r-rieda tal-poplu li fil-biċċa l-kbira vvota favurih f’referendum li kien sar f’Mejju tal-2011.
Riżultat ta’ dan, Tonio Borg ma għaddiex kif ġib u laħaq biex sar Kummissarju Ewropew għas-Saħħa.
Is-Soċjalisti, il-Liberali u l-Ħodor kemmxu xufftejhom meta l-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien kien innomina lil Tonio Borg li kien kontra anki d-drittijiet tal-persuni omosesswali.
Borg li għadu preżenti fil-Partit Nazzjonalista ta’ Adrian Delia kien ingħata l-ġenb minn Gonzi biex inġab Simon Busuttil.