- SIMON BUSUTTIL JAĦTRU BIEX JAGĦTIH IL-PARIRI
- IL-POLITIKA TAL-GVERN PREŻENTI TOTALMENT DIFFERENTI
Tonio Borg, eks Kummissarju Ewropew li l-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ daħlu fil-qalba tal-Partit Nazzjonalista, għamel dikjarazzjoni ċara li jrid jasal iż-żmien li f’Malta s-servizzi tas-saħħa jsiru bi ħlas.
Din id-dikjarazzjoni Tonio Borg għamilha mal-ġurnal ewropew The Politico li rrapporta b’mod estensiv dwar il-qasam tas-saħħa f’pajjiżna u l-isfida tal-obeżità.
Il-Politico jgħid li ż-żewġ partiti politiċi f’Malta qagħdu lura milli jdaħħlu ħlas għas-saħħa għax il-prezz politiku jista’ jkun kbir. Dan, jgħid Tonio Borg, jaf irid jinbidel.
“Kollox b’xejn f’Malta,” kien ikkwotat jgħid Tonio Borg li żied kif dan ma jistax jibqa’ hekk.
“Jasal iż-żmien meta xi ħadd irid idaħħal tariffi (għal servizzi tas-saħħa) f’Malta,” qal l-eks Kummissarju Tonio Borg li Busuttil qed jużah bħala wieħed mill-konsulenti ewlenin tiegħu mhux biss fuq is-saħħa iżda wkoll fuq suġġetti oħra fosthom il-finanzjament tal-partiti.
Is-sehem ta’ Tonio Borg fuq il-qasam tas-saħħa huwa riżultat tal-fatt li kien Kummissarju Ewropew responsabbli mis-settur. Din mhix l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista lagħab bl-idea ta’ saħħa b’xejn.
Referenza għal dan saret f’diversi rapporti. U qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-lum, kien ippropona li min ma jsibx mediċini fl-ispiżeriji tal-gvern (POYC) imur jixtrihom u l-Gvern jirrifondi biss dak li jiswa lilu. Dan kien ifisser li ċ-ċittadin kien jispiċċa joħroġ iktar u għalhekk ikun qed iħallas parti sostanzjali mill-mediċini tiegħu. Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien għamilha ċara li għalih din ma kinetx proposta aċċettabbli u minflok Gvern ġdid solva l-problema tal-out of stock. Bl-istess mod qed jindirizza s-sostenibbiltà fil-qasam tas-saħħa. Bi sħubija mal-privat, mal-Vitals Health Care Group, il-Gvern qed jagħti ħajja ġdida lill-Isptar ta’ San Luqa u ta’ Għawdex, kif ukoll Karin Grech. Dan se jsir b’investiment miljunarju mill-privat filwaqt li l-pazjent Malti se jibqa’ jieħu servizz ta’ saħħa b’xejn tal-ogħla kwalità. Dan sabiex għall-ewwel darba l-Gvern se jkun qed jisfrutta bil-kbir it-turiżmu mediku b’mod li minnu jgawdi l-pazjent Malti.