Ilbieraħ il-Partit Nazzjonalista semma lil Toni, li għandu familja ta’ tlieta u jaħli 8,400 unit f’elettriku. Dan ifisser li Toni jikkonsma ferm iktar mill-medja tal-familji Maltin f’dak li hu elettriku b’persuni li jifhmu sew fl-użu tal-enerġija qalu li familja ta’ tlieta medja li ma toqgħodx lura mill-kumditajiet taħli ferm inqas minn hekk. Fil-fatt Toni tant jaħli li lanqas mill-eko kontribuzzjoni ma jgawdi.
Iżda, jagħmel x’jagħmel Toni, ħaġa waħda għandu ċerta. Bi Gvern Laburista jħallas kontijiet orħos milli jħallas bi gvern nazzjonalista. Appena l-Partit Nazzjonalista tella’ grafika online jgħid kemm Toni qed iħallas bil-għoli malajar il-Partit Laburista ħadem il-verità u preżenta fl-istess grafika. Toni jingidem mill-PN għax ta’ dawk it-8,400 unit kien iħallas €353 iktar mil-lum.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Oppożizzjoni lbieraħ, il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista tkellmu fit-tul dwar is-sistema ta’ kif qed jinħarġu l-kontijiet li ddaħlet fl-2009 mill-amministrazzjoni li kienu jagħmlu parti minnha huma stess.
Din is-sistema tal-2009 kienet ikkonfermata mir-regolatur diversi drabi fl-aħħar snin. Apparti hekk, f’analiżi li saret jirriżulta li fl-2012 kienu joħorġu 6.1 kontijiet fis-sena, li jfisser medja ta’ kont kull xahrejn, filwaqt li fl-2017 ħarġu 5.7 kontijiet fis-sena.
Id-differenza mill-2012 għall-2017 hija li l-kontijiet roħsu b’25% u għal ċertu familji anke b’iktar u dan illum mhuwiex kontestat minn ħadd. Fl-2017 ukoll, in-numru ta’ familji li jirċievu kontijiet li ma jaqbżux il-faxxa l-aktar baxxa tat-tariffi (2000 unit fis-sena) żdied b’4.3% imqabbel mal-2012. Dan ifisser li hemm ħafna iktar konsumaturi li jibbenefikaw mill-orħos faxxa ta’ tariffi milli kien hemm fl-2012.
Minkejja dan kollu l-Gvern fakkar kif diġà impenja ruħu li din is-sistema iktar effiċjenti ta’ kif jinħarġu l-kontijiet titjieb sabiex il-konsumatur tassew ikollu sistema fejn jirċievi l-kontijiet f’waqthom u jibbenefika minn eko-riduzzjoni li ħaqqu meta ma jaħlix enerġija żejda.