Id-deputat Nazzjonalista u l-Perit Toni Bezzina tilef kawża ta’ libell li fetaħ lill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-iskandlu tax-xogħlijiet privati li saru fil-każin tal-Partit Nazzjonalista taż-Żurrieq minn tliet ħaddiema tal-Gvern waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom.
Il-każ imur lura għall-Marzu tal-elfejn u tnax meta l-Perit Bezzina, li kien jokkupa l-kariga ta’ Kap tar-Rapid Intervention Unit fi ħdan il-Ministeru għar-Riżori qabad lil Joseph Borda, uffiċjal fid-Dipartiment tiegħu biex isiblu tliet ħaddiema biex imorru jagħmlu xogħol ta’ tibjid fil-każin tal-Partit Nazzjonalista. Dak iż-żmien Bezzina kienu ukoll President tal-Kumitat Sezzjonali tal-partit fiż-Żurrieq.
Fil-qorti ngħad li l-uffiċjal mexa fuq l-istruzzjonijiet li ngħata minn Bezzina u qabbad tliet ħaddiema li kienu fuq il-lant tax-xogħol u bagħathom iż-Żurrieq qattgħu jiem jaħdmu fil-każin Nazzjonalista.
Jiem wara li l-istorja ħarġet fil-midja, il-Perit Bezzina sejjaħ lit-tliet impjegati fl-uffiċċju tiegħu u talabhom jiffirmaw ittra miktuba minnu. Saħansitra ftit jiem wara ħadhom għand nutar biex jiffirmaw affidavit li t-tliet ħaddiema ma riedux jiffirmaw.
Il-qorti ppresedutata mill-Maġistrat Francesco Depasquale nnotat li t-tliet ħaddiema kkonfmeraw li l-ħin tax-xogħol tagħhom kien sal-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar u għalhekk ix-xogħol fil-każin sar waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom mal-Gvern. Il-maġistrat qal li għalhekk huwa minnu li l-ħaddiema ħassew li marru jaħdmu fil-każin Nazzjonalista waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom.
Sostniet li dak li ddikjara l-Prim Ministru waqt attività politika fiż-Żurrieq kien korrett.
Il-qorti żiedet tgħid li l-Prim Ministru kellu dover bħala politiku jġib għall-attenzjoni tal-pubbliku l-aġir tal-Perit Bezzina u l-abbuż mill-pożizzjoni tiegħu biex jimponi fuq ħaddiema kemm li jaħdmu privatament b’xejn kif ukoll li jiffirmaw żewġ dokumenti fejn jiċħdu li ħadmu fil-ħinijiet tax-xogħol.
Il-Qorti sostniet li dak allegat mill-Prim Ministru ġie kkonfermat quddiem il-Qorti mit-tliet ħaddiema li marru jaħdmu fil-każin Nazzjonalista u għalhekk ma jista’ jirriżulta xejn malafamanti fil-konfront tal-Perit Bezzina.