Id-deputat Nazzjonalista, Toni Bezzina, ma nagħtax raġun f’libelli li fetaħ b’rabta ma’ artikli li żvelaw kif kien bagħat ħaddiema tal-Gvern jagħmlu xogħol f’każin tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq. Quddiem kritika qawwija dwar kif saħansitra ġiegħel ħaddiema jagħmlu dikjarazzjoni falza, Toni Bezzina ddefenda ruħu bil-libelli.
Iżda, il-Qorti ma tatux raġun f’każi li nfetħu kontra l-editur tal-Orizzont, Josef Caruana, u l-eks editur tal-ġurnal KullĦadd, Toni Abela.
Iktar minn hekk qalet li mill-provi rriżulta li minn ħarsa lejn l-artiklu li lmenta Bezzina l-fatti kollha kif indikati f’tali artikli jirriżultaw ippruvati.
Fis-sentenza tal-Qorti ntqal li l-ħaddiema marru għax-xogħol fiż-Żurrieq bil-vann tax-xogħol li kienu bih, u jirriżulta kkonfermat mix-xhieda tal-ħaddiema stess, illi huma marru waranofsinhar, u għalhekk ħassew li marru waqt il-ħin tax-xogħol, kif ingħad fl-artiklu.
“Jirriżulta wkoll, illi huwa minnu li r-rikorrenti lestielhom dikjarazzjoni illi kellha tiġi ffirmata mit-tliet ħaddiema,” qalet il-Qorti.
Finalment, kien ukoll ippruvat illi t-tliet ħaddiema ttieħdu waqt il-ħin tax-xogħol għand nutar tal-fiduċja tar-rikorrenti, biex jikkonfermaw affidavit ieħor preparat għalihom bil-ġurament.
Ma naqsitx lanqas riflessjoni dwar l-irwol tal-ġurnalist. “Bħalma dejjem insistiet din il-Qorti, il-ġurnalist mhux biss għandu d-dritt li jxandar informazzjoni ta’ tali tip, iżda għandu d-dmir illi jassigura li l-poplu jkun jaf bl-azzjonijiet meħudha mill-politiċi li jiġu eletti mill-istess poplu u, sakemm tali informazzjoni tkun sostanzjalment korretta, din ma tistax titqies bħala libelluża u malafamanti fil-konfront ta’ min iħossu urtat biha,” qal il-Maġistrat fis-sentenza tiegħu.
F’dawn il-każi l-avukati kienu Yana Micallef Stafrace, Veronique Dalli u Toni Abela.
Waħda miż-żewġ sentenzi tal-Qorti tidher hawn taħt.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2016/06/13_06_2016-206_2012-101166.pdf”]