Il-Perit Toni Bezzina għamel programm sħiħ isemmi l-Metro ta’ Simon Busuttil fl-2017 iżda meta mistoqsi domanda bażika dwar min kiteb ir-rapport tal-proposta tal-Metro tal-Partit Nazzjonalista, il-Kelliem ta’ Bernard Grech weħel waħda nobis u ma riedx jgħid min kien hemm warajh.
Dan deher biċ-ċar waqt il-programm Taf x’Qed Jgħidu, it-Tlieta filgħaxija meta d-Deputat Nazzjonalista kien qed jiddibatti mal-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport Ian Borg.
Il-Ministru Ian Borg staqsa: “Il-kumpanija jew il-periti li kienu ħadmu fuq dan ir-rapport li kien ppubblikaw il-PN biex naraw anke forsi l-ARUP lil min ikkupjaw, jistgħu forsi jgħidulna min kienu n-nies wara dan ir-rapport għax jidhirli li qatt ma kien hemm l-awturi tiegħu?”
Toni Bezzina staqsa: “Xi trid tkun taf kif konnha pproponejna li se niffinanzjaw dan il-proġett tagħna?”
Il-Ministru Borg stqarr: “Le min kitbu.”
Toni Bezzina qal, “U ma tarax Ministru.”
Għall-kuntrarju, il-Gvern ippubblika l-proposta miftuħa għad-diskussjoni dwar metro f’Malta tal-esperti Arup, grupp internazzjonali deskritt bħala awtorità fid-dinja dwar dan is-suġġett tat-trasport tal-massa.
Konxju mill-fatt li jekk proġett bħal dan isir, ikun hemm ħafna tħaffir u radam, il-ġurnalist fil-programm staqsa lil Bezzina dwar l-opinjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq ir-reklamazzjoni tal-art.
Hawnhekk Bezzina għamel bħal Bernard Grech, jiġifieri baqa’ bla pożizzjoni.
Il-Preżentatur stqarr: “Dwar dak li għadna li smajna mill-Perit Jonathan Mizzi dwar Land Reclamation.”
Toni Bezzina tenna: “Naraw x’hemm u x’ma hemmx. Naraw l-istudji li jkunu saru…”
Meta l-Preżentatur staqsieh: “Imma għandu opinjoni l-Partit Nazzjonalista?”
Toni Bezzina wieġeb: “Le tini l-istudji l-ewwel ħalli nara.”
Mistoqsi dwar l-effiċjenza tal-proġett tas-Central Link wara servizz fil-programm li wera kif it-Tnejn filgħodu, għall-ħabta tas-7:30, traġitt bejn is-Saqqajja u l-Belt ħa madwar 21 minuta biss, Toni Bezzina reġa’ kien negattiv.
Il-Preżentatur staqsieh: “Xhieda li s-Central Link kien proġett f’postu u jaħdem le?”
Toni Bezzina wieġeb: “Issa maż-żmien naraw.”
Saħansitra Toni Bezzina ried jieħu l-kredtu fuq il-proġett.
Meta kien mistoqsi: “Jaħdem jew le għoxrin minuta mir-Rabat sal-Belt?”
Toni Bezzina qal, “Negattivi inthom li għamilna proposta aħna.”
Lejn l-aħħar tal-programm imbagħad waqgħet il-maskra.
Wara kampanja ħarxa ta’ kritika fuq is-siġar marbuta mal-proġett tas-Central Link, Toni Bezzina qal hekk: “Żrajtu s-siġar xi ħaġa tajba mela le. Ħawwiltu.”
Madankollu ma kienx jonqos li Bezzina ma jagħlaqx b’dikjarazzjoni surreali sinonima ma’ dawk li jagħmel il-Kap tiegħu stess.
Jgħid li kollox bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista: “Ippreparajna l-pedamenti għax-xogħol li qed isir illum.”