Grazio Mercieca u Toni Abela saru żewġ membri ġodda tal-ġudikatura.
Dalgħodu l-President Marie-Louise Coleiro Preca ippresediet il-ħatra tagħhom, wara li l-Kabinett tal-Ministri approva n-nomina għall-ħatra tal-Avukat Toni Abela bħala Imħallef fil-Qrati Superjuri u l-Avukat Grazio Mercieca bħala Maġistrat fil-Qrati Inferjuri. Dawn huma l-ewwel żewġ avukati fl-istorja li ngħaqdu fil-Ġudikatura wara li għaddew b’suċċess mill-iskrutinju tal-Kumitat dwar Ħatriet fil-Ġudikatura magħmul mill-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-President tal-Kamra tal-Avukati.
Emozzjonat, Grazio Mercieca qal li b’sagrifiċċju, il-ġenituri mill-klassi socjali tieghu tawh l-opportunità li jistudja. Wiegħed li bħal ma għamel f’kull qasam, se jagħti ħiltu u ħinu kollha għal din il-kariga.
Toni Abela esprima apprezzament lejn il-fiducja fih u esprima x-xewqa tiegħu li jkollna sistema li tagħmel ġustizzja ma’ kulħadd. Qal li minn ufficjal tal qrati jfittex il-verità fil-kawża tiegħu, issa huwa qaddej tal-ġustizzja li jfittex il-verità fil-każijiet li se jkollu quddiemu.
Il-President esprimiet kunfidenza fl-integrità tal-ġudikanti l-ġodda, li jwettqu ġustizza ghamja. B’referenza għall-konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal, appellat lill-awtoritajiet biex jadottaw sistemi ta’ aċċess għal ġustizzja li ma tpoġġix lit-tfal f’pożizzjonijiet trawmatiċi, u ż-żmien ta’ fejqan psikologiku jibda mill-ewwel u mhux meta jinqata’ l-każ.