Tommy Wallbank (Atletika – Long Distance Runner) u Caden Tanti (Futbol) huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar ta’ Frar.
Tommy Wallbank, li għandu 19-il sena, ħa sehem fin-Nofs Maratona waqt l-40 edizzjoni tal-Lifestar Malta Marathon fejn ġie fl-ewwel post fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena, it-tieni atleta raġel u t-tielet fil-klassifika ġenerali. Dan huwa riżultat tad-dedikazzjoni u l-perseveranza li Tommy wera tul is-snin. Lura fis-sena 2021, Tommy kien ġera’ elf (1000) kilometru hekk kif ġera’ kilometru għal kull donazzjoni ta’ €5 b’tifkira tal-ħabiba tiegħu Rebecca Zammit Lupi li kienet ħalliet din id-dinja fl-istess sena wara li ġġieldet il-marda tal-kanċer.
Min-naħa l-oħra, Caden Tanti li għandu 16-il sena, huwa l-ewwel plejer żagħżugħ Malti li ffirma kuntratt professjonali ma’ klabb tas-Serje A fl-Italja. Fil-fatt, f’Jannar li għadda ħalla lit-tim ta’ Luxol St. Andrews F.C. sabiex ingħaqad mat-tim ta’ taħt is-sittax-il sena ta’ Genoa u lagħab l-ewwel logħba tiegħu magħhom fi Frar. Madwar erba’ snin ilu, Caden Tanti tela’ fuq il-palk tal-programm televiżiv popolari Malta’s Got Talent u impressjona lill-ġurija bil-freestyle juggling tiegħu.
Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħtax-Xahar lil Tommy Wallbank saret minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u CEO ta’ Atlas Insurance, flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-President Clinton Buhagiar u s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham. Intant, il-preżentazzjoni lil Caden Tanti se ssir aktar tard meta jkun lura f’Malta għall-eżamijiet tal-O-Levels.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.