Tfal bi sfidi ta’ tagħlim, fosthom dawk fuq l-ispettru tal-awtiżmu, se jgawdu minn proġett pilota li se jara lil Tommy, robot bl-aħħar teknoloġija, jgħin liċ-ċkejknin jitgħallmu aħjar.
Fl-Università ta’ Malta, id-Direttur taċ-Ċentru għal-Litteriżmu, il-Professur Charles Mifsud spjega li dan il-proġett edukattiv jinvolvi interazzjoni bejn ir-robot u tfal ta’ bejn is-seba’ u l-għaxar snin li jkunu diġà familjari mat-tablets u t-teknoloġija.
Il-Professur saħaq li r-robot mhux sostitut għall-għalliema, imma jista’ jintuża f’ċertu sitwazzjonijiet biex jgħin lit-tfal ikollhom tagħlim aktar effettiv. Filfatt spjega kif “ir-robot għandu ħafna paċenzja u huwa non-judgemental allura bl-attivitajiet li jkunu qed jagħmlu mar-robot, it-tfal kemm one to one bħala individwi jew gruppi żgħar għall-bidu, ikunu qed iħossuhom komdi li jekk aspetti tal-kurrikulum li jsibuhom diffiċli, bl-għajnuna tar-robot li huwa learning companion, iktar jieħdu gost u jaslu b’mod iktar effettiv.”
Dan il-proġett ta’ sentejn huwa possibbli grazzi għal fondi mill-Aġenzija Residenza Malta.
Bi proġett bħal dan, din l-Aġenzija li taħdem biex tattira investiment barrani partikolarment minn pajjiżi terzi, qed treġġa’ lura l-istess investiment fil-komunità Maltija.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li l-istat qed ikun katalista biex idaħħal it-teknoloġija fl-edukazzjoni, hekk kif “qed nitkellmu fuq investiment ta’ mhux inqas minn ħamsa u tmenin elf ewro fuq medda ta’ sentejn. Qed naraw li bl-użu tal-aħħar teknoloġija f’dan il-każ tar-robot Tommy, jintuża bħala proġett pilota sabiex tfal li jinsabu fuq l-ispettru tal-awtiżmu ngħinuhom jitgħallmu iktar.”
Tommy jitkellem, jimxi, jiċċaqlaq, idawwar rasu u jiżfen. Fuq kollox ħa jkun programmat biex jgħin lit-tfal ikunu aktar kunfidenti biex jagħmlu interazzjoni ma’ nies oħra. Xi ħaġa li hija possibbli anki kif turi riċerka li saret fi proġetti simili fl-Amerka u fl-Iżrael.