Ħarġet sejħa pubblika għal proposti mis-settur privat biex ix-Chalet jiġi rijabilitat u s-sit igawdi minn proġett ta’ tisbiħ bi żvilupp sostenibbli u li jħares l-ambjent.
Din is-sejħa pubblika ħarġet mill-entità tal-Gvern Malta Strategic Partnership Projects Ltd wara li, fil-ġimgħat li għaddew, fi tmiem laqgħa tal-Kabinett man-nies fl-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli, il-Prim Ministru Robert Abela kien spjega mal-ġurnalisti li l-Kabinett iddeċieda li toħroġ sejħa pubblika biex is-sit tax-Chalet ma jibqax fi stat ta’ abbandun iżda fuqu jsir proġett sabiħ li jikkumplimenta ż-żona.
Is-sejħa pubblika, li għandha miftuħa sal-bidu ta’ Frar, qed titlob lis-settur privat jipproponi żvilupp wara studju li sar u li għamel stimi notevoli għas-sit.
Fil-fatt, dik li llum hija xejn għajr biċċa art tal-konkrit bi ftit li xejn aċċess għall-pubbliku, mistennija toħloq fis-sena mat-tlieta u ħamsin impjieg full-time, valur miżjud ta’ żewġ miljun u ħames mitt elf ewro, u madwar tmien mija u sittin elf ewro fi dħul mit-taxxi għall-Gvern.
Il-proposti li se jintlaqgħu jibbażaw fuq injezzjoni ta’ investiment privat b’konċessjoni għal perjodu ta’ ħamsa u sittin sena filwaqt li l-Gvern jassigura dħul minn fuq din l-art, li mistennija anki tkompli tgħolli l-prodott turistiku ta’ pajjiżna.
Il-Gvern qed jitlob minimu ta’ tliet miljun u mitejn elf ewro f’investiment kapitali inizjali flimkien ma’ investiment sussegwenti ta’ kważi miljun u ħames mitt elf ewro kull seba’ snin, flimkien ma’ investiment mill-ġdid ta’ tliet miljun u mitejn elf ewro fil-perjodu ta’ bejn it-tmienja u għoxrin u t-tletin sena taż-żmien tal-konċessjoni.
Dan apparti l-kirja annwali tas-sit u l-ħlas tal-konċessjoni, li tqarreb il-kwart ta’ miljun ewro oħra.
Fi stqarrija, il-Malta Strategic Partnership Projects Ltd spjegat li l-istudju li sar qabel is-sejħa pubblika kien fil-kuntest tax-Chalet Development Brief li sar għoxrin sena ilu u l-iżvilupp ta’ kwalità fix-Chalet mistenni jiġġenera andament ekonomiku pożittiv u valur miżjud. Iż-żona, li tmiss max-Chalet hi mistennija wkoll li tirrinova ruħha permezz tat-tisbiħ fuq is-sit inkwistjoni.
Intqal ukoll li dawk li jressqu proposta għandhom jagħtu spjegazzjoni ta’ azzjonijiet ċari li se jieħdu biex jgħinu lill-komunità Slimiża filwaqt li d-disinji proposti jridu jkunu kreattivi, iħarsu l-aspett ambjentali, u jkun hemm aċċess sħiħ tax-xatt għall-pubbliku.
Il-proposti mressqa se jiġu mgħarbla minn kumitat apposta magħmul minn uffiċjali għolja fiċ-Ċivil u uffiċjali pubbliċi filwaqt li l-proġett rakkomandat se jitressaq għall-approvazzjoni tal-Parlament.